Fost it-talent kbir li skoprejna waqt X Factor Malta kien hemm ukoll il-kantant lokali Drakard. Artist li uriena diversi stili li kapaċi jinterpreta, u spikkat il-versatilità fil-vuċi tiegħu.

Drakard tkellem magħna dwar l-ewwel esperjenza tiegħu fejn irrealizza l-imħabba tiegħu għall-mużika.

“X Factor kien l-ewwel darba li bdejt nagħmel il-mużika għax inħobbha u mhux kemm immur lezzjoni tal-kant darba fil-ġimgħa bħala passatemp. L-ammont ta’ tagħlim li ħadt minn din l-esperjenza huwa inkredibbli u għenitni nara l-mużika minn perspettiva li qatt ma rajt.”

Ix-xewqa li japplika għal X Factor ilha ħafna għal Drakard. Kull staġun ta’ X Factor kien dejjem isegwi u jitħajjar li xi darba jitla’ fuq dak il-palk. Din is-sena ħassu preparat bizzejjed li japplika u jittanta xortieh. Kienet esperjenza li biha xtaq jiskopri iktar lilu nnifsu bħala artist.

Staqsejna lill-kantant dwar liema kienet l-ikbar sorpriża jew l-iktar ħaġa li ma stenniex tul il-vjaġġ ta’ X Factor Malta.

“Onestament, qatt ma stennejt li minn kompetizzjoni daqshekk kbira, ħriġt minn hemm b’familja oħra. Bħala parteċipanti u anke kru kellna bond vera kbira u kienet xi ħaġa li qatt ma stennejt.”

gf

Drakard jgħidilna dwar ix-xewqa li ‘l quddiem ikanta materjal oriġinalu tiegħu fuq palk bħal ta’ X Factor Malta. “Hemm ix-xogħol għaddej jiġifieri nittama li sakemm jerġa’ jkolli ċ-ċans li nkanta fuq palk kbir hekk, inkun ilħaqt lestejt xi materjal minn tiegħi.”

Staqsejnieh ukoll liema hi l-prestazzjoni favorita li għamel Drakard waqt X Factor Malta. “Bla dubju Let Me Entertain You. Kienet xi ħaġa li qatt ma bsart li possibbli nagħmel. U jaf inħobbha dik il-ftit aktar għax kienet kanzunetta li kelli nitgħallem f erbat ijiem!” 

Lil Drakard kemm-il darba smajnieh ikanta bil-lingwa Malta, li tant hi għal qalbu. Jista’ jkun li nisimgħuha anke fil-mużika oriġinali tiegħu! “Il-lingwa Maltija hi xi ħaġa għal qalbi wisq. Diffiċli ngħid li mhux se tkun parti mill-pjanijiet tiegħi għaliex hi xi ħaġa li nħoss li tgħaqqadni bħala artist.”

Flimkien miegħu tkellimna wkoll dwar l-element kompetittiv u kif iħares lejh fix-xena tal-ispettaklu. Jgħidilna li huwa element li dejjem użah bħala għodda biex jagħti l-aħjar tiegħu, u mhux bħala sempliċiment pika.

“Jien personalment kont narah bħala vantaġġ kbir għaliex dejjem kont niġġieled biex inkun l-aħjar li nista’ nkun, però fl-istess ħin il-parteċipanti bejnietna konna kontinwament ngħinu lil xulxin li konna nispiċċaw ninsew l-element ta’ kompetizzjoni. Huwa żvantaġġ biss meta tħallih jaffettwa lil ta’ madwarek.”

Drakard qasam magħna l-aħħar messaġġ tiegħu lis-segwaċi kollha. Aħna nirringrazzjawh tal-ħin tiegħu u nagħlqu l-intervista b’dawn l-erba’ kelmiet sbieħ.

“Qatt u qatt taqta’ qalbek. Qatt mhu se tirnexxi jekk mhux lest li jkun hemm żminijiet diffiċli. Jekk tibqa’ għaddej f’dawk iż-żminijiet, taċċetta l-kritika u dejjem tkun lest li titgħallem u tikber, żgur se timxi.”

Tistgħu issegwu lil Drakard fuq Facebook u Instagram

gh


Kyle Zarb