Persuna fost dawk li kienu viċin il-familja tal-mibki Colin Grech, kienet fost l-ewwel li ħabbret il-mewt tiegħu, persuna maħbuba minn kulħadd, speċjalment dawk li ħadmu fit-teatru u fl-ispettaklu. Colin fil-fatt kemm-il darba daqq f’bands bħala drummer, u l-persuna xerrdet anke xi filmati ta' memorja.

"X'ġurnata tad-dwejjaq - ninsab b'dieqa qawwija bl-aħbar xokkanti tal-lum. Colin, il-ħajja u r-ruħ tad-divertiment... kull meta tkun imdejjaq, hu ser iġegħelek titbissem b'xi mod! Għalija kont qisek zijuhi. Sapport enormi, gwida u mumenti tal-ġenn u pjaċevoli." Dan kitbitu l-persuna li kienet viċin tal-familja ta’ Colin.

Fuq il-midja soċjali nxerrdu diversi ritratti u filmati tal-kontribut kollu li dejjem ta Colin, kif ukoll tal-mumenti memorabbli fejn anke ferraħ lil ta' madwaru. Il-persuna li kitbet messaġġ għalih tgħid li Colin kien hemm biex jgħinha tkun kunfidenti u temmen fiha nnifisha. Kien ikun l-ewwel li jismagħha meta kien ikollha xi idea u taqsamha miegħu. 

Bosta ħbieb u qraba jgħidu li n-nuqqas tiegħu ħa jinħass mill-familja, kollegi u dawk kollha li jiffurmaw parti mit-teatru. F'isem Gwida.mt noffru l-kondoljanzi tagħna. Strieħ fis-sliem Colin.


Kyle Zarb