Il-personaġġ ta’ James Bond ilu jitqies bħala l-epitomija tal-maskulinità mindu tfaċċa għall-ewwel darba fil-ktieb Casino Royale, segwit saħansitra mil-fama li ġab l-addattament ċinematiku tas-sensiela. Għaldaqstant, din il-virilità tal-persunaġġ, li ilha stabbilita għal aktar minn nofs seklu, aktarx mhijiex se tibqa’ l-karatteristika ewlenija hekk kif jidher li, għall-ewwel darba,ir-rwol se jingħata mhux lil attur, iżda lil attriċi.

Lashana

Getty Images / Slaven Vlasic

Skont xi rapporti li ħarġu riċentament, l-attriċi Brittanika Lashana Lynch, magħrufa għax-xogħol tagħha f’Captain Marvel, aktarx se tkun dik li se tibda tissodisfa r-rwol tad-007 bħala s-suċċessura ta’ Daniel Craig, l-attur attwali ta’ Bond. Fl-installazzjoni li jmiss, Bond 25, għalkemm tħabbar li Craig tassew ser jerġa' jkun l-attur ta' Bond, huwa għaldaqstant mistenni jrodd ir-riedni tal-personaġġ lil Lynch.

Din il-bidla prospettiva hija wkoll notevoli minħabba l-fatt li, barra li l-personaġġ isir femminil, ir-rwol se jibda jiġi interpretat minn attriċi ta’ ġilda skura, ukoll element ġdid fix-xbieha tradizzjonali tiegħu.

Bond

Ritratt: Britta Pedersen

L-aħbar, li hija aktarx ta’ sorpriża għal dawk l-akkaniti tas-sensiela, naturalment qiegħda ġġorr magħha taħlita liema bħalha ta’ reazzjonijiet diversi. Filwaqt li wħud ferħu lill-attriċi prospettiva u jqisu din id-deċiżjoni bħala pass xieraq lejn id-diversità, oħrajn jidhru pjuttost diżappuntati b’din l-għażla għaliex jarawha qiegħda tikkomprometti dan ir-rwol tradizzjonali maskil.

Lynch

Ritratt: MGM

L-ideat tagħna ta’ dawn il-personaġġi tradizzjonali u stabbility mhux l-ewwel darba li qegħdin jiġu sfidati: infatti, m’ilux tħabbar li Halle Bailey, kantanta ta’ ġilda sewda, se tkun l-attriċi tal-mermaid Ariel fl-addattament il-ġdid li ġej ta’ The Little Mermaid.

X'taħsbu intom dwar din il-bidla?

EON; Getty Images / Jeff Spicer


Kurt Gabriel Meli