Il-mistoqsija tar-rabta bejn Malta fis-sena 2020 u Malta tul it-Tieni Gwerra Dinjija titwieġeb mit-tim ta' Folla Nies, għada 9 ta’ Mejju fid-20:55 fuq TVM b'repetizzjoni il-Ħadd 10 ta' Mejju fit-14:45 fuq TVM 2 waqt l-ispettaklu Minestra u Għaġin, Fażola u Sardin.

Ritratt: Sebio Aquilina

Dan l-ispettaklu qed jittella' fl-okkażjoni tal-75 sena anniversarju mit-tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Din hi kollaborazzjoni bejn Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali, Festivals Malta u Folla Nies li ħa jkunu qed jippreżentaw spettaklu ta’ mużika u letteratura li jdur ma’ elementi umoristiċi marbutin ma’ parallelliżmi bejn it-Tieni Gwerra Dinjija u Malta fl-2020.

Ritratt: Sebio Aquilina

Tajjeb li ngħidu li dan l-ispettaklu se jolqot diversi elementi umoristiċi u jipproponi lill-udjenza sitwazzjoni ta’ gwerra illum il-ġurnata. L-għan prinċipali ta' dan l-ispettaklu huwa li jfakkar dan l-avvenimeent storiku fi stil festiv u uniku bħalma jippreżentaw is-soltu it-tim ta’ Folla Nies. Dawk li ġieli marru l-avvenimenti tagħhom jafu li hu spettaklu li żgur wieħed ma għandux jitlef!

Ritratt: Sebio Aquilina

Eżatt wara dan l-ispettaklu wieħed jista' jkompli jgawdi minn spettaklu ieħor bl-isem ta' WW2 Impressions. Dan jibda fid-21:15 fuq TVM u għandu repetizzjoni il-Ħadd 10 ta' Mejju fit-21:30 fuq TVM 2. WW2 Impressions huwa Jazz Suite ġdid magħmul biex ifakkar il-75 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija (1939-1945).

Ritratt: Sebio Aquilina

Dan ix-xogħol huwa ispirat u bbażat fuq siltiet mill-musical Il-Gwerra ta' Spiru Cefai, li kien ibbażat ukoll fuq l-istess perjodu. Fl-1992 Dominic Galea kien ikkompona l-melodiji fuq il-lirika tal-poeta magħruf u ħabib Raymond Mahoney, b'rabta ma' wirjiet waqt il-festival Iljieli Mediterranji, li kien sar fil-Ġonna tal-Argotti fil-Furjana.

Ritratt: Sebio Aquilina

Għal dan il-kunċert Dominic Galea ttraspona xi temi fil-jazz, u kiteb numri ġodda relatati magħhom. Il-lirika tas-siltiet il-ġodda li jġibu l-isem ta’ Victory Kitchen u It-Tradituri ttieħdu mill-manuskritt oriġinali. Il-movimenti fi ħdan dan is-suite jirriflettu fuq l-episodji storiċi ewlenin, flimkien ma' aspetti tal-ħajja ta’ kuljum f'dawk il-ġranet mudlama.

Ritratt: Sebio Aquilina

Naturalment, Dominic Galea fittex li joħloq ambjentazzjoni relattiva għal kull tema rispettiva, permezz ta' diversi stili ta' jazz, ikkumplimentati mit-tpinġijiet tal-artist Ivan Sciberras li jżejnu l-ktejjeb tas-CD. Dan il-proġett jidħol f’diversi dixxiplini artistiċi bħal mużika, arti u letteratura u bbażat fuq riċerka storika.

Il-kunċert WWII Impressions huwa wkoll tislima għar-rwol kruċjali li Malta kella fir-rebħa tal-Alleati fuq il-forzi tal-Assi. Dawk li huma interessati jkunu jafu iktar dwar din il-kommermorazzjoni jistgħu jżuru l-paġna ta' Facebook ta' FĊN Malta jew inkella s-sit tagħhom billi jidħlu HAWN

Sebio Aquilina


Emil Calleja Bayliss