Beda joqrob iż-żmien biex nibdew naħsbu liema programmi se nkunu qed insegwu malli jibdew l-iskedi tal-ħarifa u bla dubju li hemm aspettattiva għall-istaġun il-ġdid ta’ L-Għarusa, li fl-aħħar stħarriġ tal-awtorità tax-xandir ġie kkonfermat bħala l-aktar programm segwit fil-gżejjer Maltin.
Cassandra Spiteri u Paula Mintoff diġà drajtuhom fis-sensiela iżda kif tistgħu taraw hemm ukoll Michela Galea, li se titkellem dwar il-karattru ġdid li se tinterpreta.
Tgħidilna Paula Mintoff
Ritratt: Reno Rapa - Facebook / L-Għarusa
Paula, issa li deħlin fit-tieni staġun, x’taħseb li se jkunu l-elementi li se jżommu lit-telespettaturi ħerqanin biex jibqgħu jseġwu sal-aħħar puntata?
Jekk it-telespettaturi jixtiequ jiskopru min qatel lil Bettina Gauci Fontana hekk ser ikollhom jagħmlu! Il-mistoqsija li kienet fuq fomm ħafna fl-ewwel staġun ser ikun hemm tweġiba għaliha fit-tieni staġun. Apparti minn hekk ser naraw numru ta’ karattri ġodda li se jkomplu jżewqu l-istorja, kif ukoll xeni sbieħ u interessanti li wieħed jista’ jgħid qatt ma rajna bħalhom fuq it-televiżjoni lokali.
Liema huma l-aspetti li l-aktar li jogħġbuk fil-karattru li tinterpreta fis-sensiela L-Għarusa?
Napprezza ħafna ż-żewġ aspetti opposti tal-karattru ta’ Amelia. Min-naħa waħda hija tfajla fuq tagħha li dejjem tfittex li tkun kurrenti u moderna, soda fil-fehmiet tagħha, kultant kontroversjali, kif ukoll avventuruża mingħajr ma tqis ir-riskji li jaf tidħol fihom.
Min-naħa l-oħra, hemm ċerta fraġilitá u vulnerabilitá fil-karattru tagħha li ħarġu fl-ewwel staġun ma’ Bert, Kalċ u anki fir-relazzjoni amoruża tagħha ma’ Bernard. L-iktar karatteristika għal qalbi f’Amelia però huwa l-att umoristiku tagħha kif ukoll il-kummenti u botti sarkastiċi li ma jonqsux!
Ritratt: Reno Rapa - Facebook / L-Għarusa
X’tista’ tiżvela minn dak li se jiġri lill-karattru tiegħek fit-tieni staġun?
Nixtieq ngħidilkom però se jkollkom tistennew sa’ Ottubru biex issiru tafu!
Tħoss li b’xi mod is-sehem tiegħek fis-sensiela L-Għarusa affettwatek fil-ħajja ta’ kuljum?
Hekk kif għaddejja bl-aħħar sena tal-istudji tiegħi, din is-sensiela kienet lok fejn nista’ naqta’ mill-istress tal-istudju u niffoka fuq xi ħaġa kreattiva u li nieħu gost nagħmel. Fl-istess ħin L-Għarusa għenitni wkoll biex insir naf ħbieb ġodda b’interess komuni fid-drama. Finalment, fetħitli wkoll opportunitajiet oħra fil-qasam tal-media.
Nafu li t-tieni staġun se jkun l-aħħar wieħed. Hemm xi karattri oħra li tixtieq tinterpreta wara li tgħaddi din l-esperjenza?
Bħalissa qed nieħu ġost ħafna ninterpreta din il-parti u m’għandix pjani oħra għall-futur. Meta tgħaddi, naraw.
Tgħidilna Michela Galea
Ritratt: Reno Rapa - Facebook / L-Għarusa
Michela, int se tkun wiċċ ġdid fis-sensiela L-Għarusa. X’kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek meta ġejt avviċinata biex tingħaqad mal-kast?
Niftakar meta irċevejt telefonata mingħand Sharp Shoot Media, qalbi għamlet tikk. Kien kellimni wieħed mid-diretturi ta’ L-Għarusa, Justin Farruġia u niftakar li qalli ħa jagħmel il-mowbajl fuq speaker mode biex ikun jista’ jkellimni Steven ukoll, id-direttur l-ieħor. Niftakar il-kliem preċiż ta’ Justin: “Inti se tkun Carlotta!”.
Dak il-ħin ħariġli dmugħ ta’ ferħ għax minn dejjem kienet x-xewqa tiegħi li naħdem ma’ Sharp Shoot Media. Huwa tim professjonali mmens u huma nies ġenwini ħafna. Apparti minn hekk, ninsab kuntenta li se nkun qed naqsam din l-esperjenza ma’ diversi atturi bravissimi. Ħerqana ħafna li nifforma parti mil-kast ta’ L-Għarusa.
X’tista’ tiżvela dwar il-karattru tiegħek?
Jiena se nkun qed inżur u nqatta’ l-vaganzi tiegħi għand is-Sinjuri Gauci Fontan però hemm raġuni misterjuża għaliex se nkun hawn Malta. Daqshekk biss nista’ ngħid!
X’kienu l-aktar elementi importanti li wassluk biex taċċetta li tinterpreta dan il-karattru?
Jiena nħobb ninterpreta kull tip ta’ karattru però karattru li fih sfida, jinżilli għasel. L-ikbar sfida sabiħa li għandi hija li dan il-karattru jitkellem bit-Taljan il-ħin kollu. Aspettattiva oħra sabiħa fil-karattru tiegħi hi li hemm xi ħaġa misterjuża li għad irridu niskopruha iktar 'il quddiem. Però nista ngħid li huwa karattru għal qalbi ħafna.
Ritratt: Reno Rapa - Facebook / L-Għarusa
Dan l-aħħar rajniek ħafna fit-teatru, apparti wkoll fiċ-ċinema. X'differenza tħoss miċ-ċinema għat-teatru?
Kemm iċ-ċinema kif ukoll it-teatru jagħtuni sodisfazzjon kbir. Id-differenza li hemm bejn dawn it-tnejn huma li fit-teatru, tħoss l-udjenza miegħek jirreaġixxu għal kull mossa li tagħmel. Faċilment tisma’ l-udjenza tidħak, tniżżel xi demgħa, tikkummenta. Mentri fiċ-ċinema u fit-televiżjoni, l-udjenza m'intix qed tismagħha tirreaġixxi.
It-tnejn jieħdu ħafna ħin kemm ta’ preparazzjoni, rehearsals, filming fost ħafna aktar. Id-dixxiplina tat-teatru tirrikjedi diversi sfidi fosthom, importanti li tkun taf l-linji mhux tiegħek biss iżda tal-atturi l-oħra wkoll għax jekk xi ħadd jinsa’ xi linja jew jaqbeż xi paragrafu, trid tibqa’ għaddejja daqs li kieku ma ġara xejn. Li hemm sabiħ fiċ-ċinema hija li tista’ telabora b’emozzjonijiet differenti.
Finalment, l-aspettativi tiegħek għat-tieni u l-aħħar staġun ta’ L-Għarusa.
Nemmen li t-tieni staġun se jqanqal kurżità kbira u diversi emozzjonijiet. Ninsab ċerta li l-poplu Malti u Għawdxi se jkun lest bi ħġaru għal kull episodju. It-telespettaturi se jkunu qed jiskopru affarijiet ġodda, karattri ġodda, misteri ġodda, u finalment insiru nafu min qatel lil Bettina Gauci Fontana!
Tgħidilna Cassandra Spiteri
Ritratt: Reno Rapa - Facebook / L-Għarusa
Cassandra, issa li qed noqorbu lejn it-tieni staġun ta’ L-Għarusa, x’taħseb li kienu l-elementi li wasslu biex din is-sensiela tkun suċċess?
Id-dedikazzjoni u l-passjoni naħseb huma l-iktar żewġt ikliem li jagħqdu dak kollu li l-udjenza aprezzat tara fl-ewwel staġun, u m’għandi ebda dubju li ħa jidhru fit-tieni wieħed. Meta verament tħobb tagħmel dak li tħobb fil-ħajja il-prodott normalment joħroġ tajjeb b’ċerta sodifazzjon kbir, u għalhekk nħobb nuża dawn iż-żewġt ikliem li semmejt, għax huma ż-żewġ elementi ewlenin li ħarġu f’kull indiviwu li huwa nvolut f’dan il-proġett.
X’kienu l-emozzjonijiet tiegħek meta erġajtu fuq is-sett għall-ġbid tat-tieni staġun?
Bla dubju – eċitament u ferħ kbir fl-istess ħin! In-nuqqas tad-drama ħassejtu ħafna fil-ftit xhur pawża li kellna… u immissjajt ħafna l-karattru ta’ Bettina għax sirt inħobbha wisq!
X’tista’ tiżvela minn dak li se jiġri lill-karattru tiegħek fit-tieni staġun?
Bħal ma jafu in-nies, Bettina hija tfajla maħbuba, iżda wkoll mibgħuda min-numru ta’ nies. Il-fatt li żżewġet lil Diego wara li tradiha zio Amadeo, mill-ewwel juri indikazzjoni li kien att ta’ ribell u naħseb b’hekk se tqajjem aktar lilha nfisha. Issa hi tinsab f’sitwazzjoni li ma tista’ tafda lil ħadd ħlief lir-raġel tagħha.
Għalkemm nafu wkoll li missierha qabadha flimkien ma’ Diego fis-sodda, xorta waħda nemmen li b’xi mod ħa tibqa’ tiġġieled għal dak li tħobb sal-aħħar nifs tagħha, allura se narawha lil Bettina ribelluża waqt li tissokta l-istorja.
Ritratt: Reno Rapa - Facebook / L-Għarusa
Tħoss li b’xi mod is-sehem tiegħek fis-sensiela L-Għarusa affettwatek fil-ħajja ta’ kuljum?
Bla dubju! L-ewwel u qabel kollox l-istorja minnha nnifisha u l-karattru ta’ Bettina ġiegħluni nirrealizza li dejjem għandek tiġġieled għal dak li tħobb; kemm jekk hi persuna, kif ukoll jekk hi passjoni.
Mill-aspett tal-ħajja inġenerali, iġġibli tbissima f’wiċċi ma’ kull darba li niftakar fil-mumenti li filli qed timxi barra fil-pubbliku u filli jwaqqfuk in-nies u jfaħħruk għax-xogħol li qed nagħmlu. Lili personali timlini b’ħafna kuraġġ biex din il-passjoni nkompli naħdem fuqha, għaliex id-drama, għalija, qatt ma qiestha bħala passatemp.
Nafu li t-tieni staġun se jkun l-aħħar wieħed. Hemm xi karattri oħra li tixtieq tinterpreta wara li tgħaddi din l-esperjenza?
Illami! Jekk ngħidlek le inkun qed niġdeb, għaliex hemm ħafna! Is-sabiħ li tkun attur hija li tkun versatili u vulnerabbli kemm tista’ biex tinterpreta karattri differenti allura hemm numru kbir!
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Reno Rapa - Facebook / L-Għarusa