It-tabiba Dr. Georgiana Farrugia Bonnici xerrdet informazzjoni dettaljata fuq il-paġna tagħha ×Be Holistically Healthy, MD× relatata mal-kanċer tal-prostata. Kanċer li matul dan ix-xahar qegħdin infakkru l-importanza li wieħed għandu dejjem jinforma ruħu w jiċċekkja lilu nnifsu.

X'inhuma s-sintomi? U hemm xi affarijiet li wieħed jista' jagħmel bħala prekawzjoni?

Is-sintomi relatati mal-kanċer tal-prostata; speċjalment jekk fi stat avvanzat, jistgħu jinkludu: problemi biex wieħed jgħaddi l-urina, inkontinenza, demm fis-'semen', uġigħ fin-naħa t'isfel taż-żaqq, uġigħ fl-għadam, jew nuqqas ta' erezzjoni, fost oħrajn.

Is-sintomi relatati mal-kanċer fit-testikoli jistgħu jinkludu xi nefħa, massa iebsa jew tkabbir fit-testikola. Xi minn daqqiet, wieħed jista' jħoss ukoll xi uġigħ jew tnemnim fl-istess post, jew saħansitra fil-parti ta' isfel taż-żaqq. Sintomi oħra li huma inqas komuni jistgħu jinkludu uġigħ fid-dahar, qtugħ ta' nifs, uġigħ jew tkabbir fis-sider, jew telf ta' piż.

Huwa tajjeb li wieħed iżomm f'moħħu li xi minn daqqiet, fi stat bikri, wieħed jista’ ma jħoss l-ebda sintomi. Għaldaqstant, huwa vitali li wieħed jiċċekkja lilu nnifsu regolarment, u jitkellem mat-tabib tiegħu jekk iħoss xi affarijiet li għalih m'humiex normali. Wieħed dejjem jista' jiġi investigat iktar fid-dettall permezz ta' testijiet tad-demm jew 'ultrasound', sabiex ikun jista' jħejji t-triq biex jinbdew xi mediċini jew trattamenti oħrajn li jeżistu għal dawn it-tip ta' kundizzjonijiet mediċi.

Huwa importanti wkoll li wieħed jgħix stil ta' ħajja sana, li tinkludi dieta bbilanċjata u eżerċizzju fiżiku. Wieħed għandu jara li jagħmel ħiltu sabiex jitlef xi piż żejjed sabiex dejjem inaqqas ir-riskji relatati mal- kanċer.

Tista’ ssegwi aktar u tinforma ruħek b’aktar informazzjoni rigward x’inhuma r-riskji li jikkawżaw dan il-kanċer hawn taħt.


Kyle Zarb