It-tim ta’ Gwida.mt tkellem mal-kantanta lokali Amber dwar xi ħaġa differenti mis-soltu. Iddeċidejna li mmorru lil hinn mill-kant u nistaqsuha dwar xi ħaġa li nafu li hija għal qalbha ħafna! Dan is-suġġett huwa l-volontarjat!
Staqsejna lil Amber dwar x’kien dak li ħajjarha biex tibda tagħmel il-volontarjat. Amber qalet li minn mindu kienet tifla, dejjem xtaqet li tagħmel xi tip ta’ volontarjat. Kienet dejjem tieħu gost tisma’ esperjenzi ta’ voluntiera u missjunarji li qattgħu ħajjithom f’pajjiżi jgħinu lill-foqra.
Amber qaltilna li fl-2012 ġietha l-opportunità li titla’ t-Tanzanija mat-tim ta’ Xarabank. Qaltilna, “din l-esperjenza ħalliet impatt kbir fuqi. Bidlitni kompletament, u bdejt inħares lejn il-ħajja minn lenti differenti.”
Din l-esperjenza għenitha sabiex tapprezza aktar dak kollu li għandha madwarha. Apparti minn hekk, kienet esperjenza li għenitha tapprezza aktar lil familtha u lil ħbiebha. Wara din l-ewwel esperjenza ta’ volontarjat, Amber qaltilna, “qatt ma ħarist lura u bqajt nitla’ kull sena!”
Flimkien ma’ Olwyn u Fabian, iddeċidiet li terġa’ titla’ l-Afrika. Baqgħu jitilgħu kull sena sakemm nibtet l-idea li jwaqqfu organizzazzjoni non governattiva tagħhom. B’hekk setgħu jibdew jaħdmu fuq diversi proġetti, li bihom jgħinu ħafna nies fil-bżonn. U hekk nibtet l-idea ta’ Mzungu Mission!
Amber qaltilna li llum għandhom “diversi proġetti madwar l-Afrika u l-Indja, fosthom half way home għas-seminaristi u ż-żgħażagħ, child sponsors, kif ukoll dar għal tfajliet li ġew stuprati u mkeċċijin minn darhom.” Bħalissa qed jaħdmu fuq il-bini ta’ skola ħdejn il-binja tad-dar tat-tfajliet li ġew stuprati. B’hekk tkun tista’ tingħatalhom l-edukazzjoni meħtieġa.
It-tim ta’ Gwida.mt jixtieq jirringrazzja lil Amber tax-xogħol volontarju li kontinwament tagħmel! Inħeġġu sabiex ikun hawn aktar persuni li jagħmlu xogħol volontarju għax mingħajr dubju hija esperjenza mill-isbaħ!
Instagram / @iamamberofficial