L-edukatur Raphael Borg qasam kelmtejn dwar l-attitudni fuq l-inklussivita fis-settur tal-edukazzjoni.

“Tassew meta naħsbu dwar l-edukazzjoni, hija xi ħaġa komuni illi l-ewwel li naħsbu hi li naslu, li ngħaddu mill-eżamijiet u nfasslu toroq fil-baħar.

U dawk li l-eżamijiet ma jgħoddux għalihom? Dawk għandom futur? Ħaqqhom futur daqs ħaddieħor? Jew narawhom ta xkiel għal min irid jasal, li anke, saħansitra, “qed żżommhom lura milli jagħmlu suċċess?” Illi nħarsu lejn dawn l-individwi ukoll mhux bħala persuna imma biss “każ”?” huwa qal.

“Naħseb tassew hu tajjeb li nerġgħu nkejlu dak li f’għajnejna hija l-edukazzjoni. L-edukazzjoni m’hijiex il-karti biex issib xogħol aħjar. Anzi, nitkellem mill-esperjenza personali tiegħi, bl-opportunitajiet illi ssib spiss jgħidulek ukoll li tkun “overqualified”. M’hijiex rari ukoll li tikkwalifika f’oġġett u taqbad karriera f’oħra għal raġuni jew oħra.”

“Għalhekk, noffri perspettiva oħra ta x’inhi l-edukazzjoni. L-edukazzjoni hi l-fakulta li tkun tista ssib awtonomija biżżejjed li tkun tista tieħu d-deċiżjonijiet għalik nnifsek u tgħarraf l-opportunitajiet biex tagħmel hekk. Fuq livell bażiku, dan ifisser li tkun kapaċi tieħu deċiżjoni infurmata, tqis dik d-deċiżjoni u li tesprimi dik d-deċiżjoni fuq livell soċjali. “

“Wara kollox,  l-edukazzjoni għandha sservi biex trawwem persuna b’mod sħiħa, li tħoss, li taħseb u li tixtieq u trid, u mhux biss numru ieħor li iħallsu t-taxxi. Li dak li nnisslu fihom mhuwiex mument f’ ħajtek li jgħaddi ma l-oħrajn, mhuwiex “każ”, iżda opportunita’ li tnissel fihom għodda li iġorru magħhom ħajjithom kollha.”


Bernard Xuereb