Smajt bir-ritorn tal-Festival Kanzunetta Maltija taħt l-isem ta' Mużika Mużika? Dawn huma ftit mill-parteċipanti. Illum qed nippublikaw l-intervisti li għamilna magħhom. Lil dawn staqsejniehom fuq il-Milied. Ara x'kellhom x'jgħidulna dawn il-parteċipanti ta' Mużika Mużika.

Glen Vella ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Ħarsa Biss fuq mużika ta' Philip Vella u kliem ta' Joe Julian Farrugia.

Glen jgħid li din hi, "Festa sabiħa reliġjuża li tfakkarni fit-twelid ta’ dak li jien nemmen fih. Minkejja ż-żminijiet diffiċli u partikolari li għaddejjin minnhom fil-preżent, xorta ser inkun qed niftakar fil-veru messaġġ ta’ ferħ u paċi li jġib miegħu kull Milied."

Hu jkompli jistqarr, "Żmien li jġegħlni nirrifletti u ngħin lil proxxmu iktar mis-soltu. Ser inkun qed niċċelebra mal-maħbub tiegħi u l-familja immedjata."

Bernie & Pod ħa jkunu qed jinterpretaw Ħudni Lura fuq mużika ta' Bernard Bonnici u kliem ta' Ivan Farrugia.

Ivan Farrugia, li wieġeb f'isem il-band jgħid, "Naħseb li il-Milied hija ċelebrazzjoni kemm individwali kif ukoll kollettiva. Mhux għal kulħadd il-Milied ifisser l-istess. Għalkemm il-Milied għal xi wħud iġib miegħu ferħ, għaqda u fuq kollox ċelebrazzjoni kattolika, għal xi wħud ifisser memorji ta’ tbatija u ta’ solitudni. Tliet snin ilu Bernie and Pod ħriġna diska tal-Milied, ‘Int u Jien dal-Milied’, li tiġbor fiha dawn l-aspetti kollha u naħsbu li wassalna messaġġ ta’ tama, kuraġġ u għaqda."

Fuq nota personali jistqarr, "Għalija l-ispirtu tal-Milied kien u jibqa’ t-tiġdid tal-valuri tal-għaqda, l-imħabba u li tagħmel lil ħaddiehor dak li tixtieq li huma jagħmlu lilek. Ir-regola tad-deheb m’hemmx xi ngħidu! Kif ser inqattgħu l-Milied din is-sena? Bħall-membri l-oħra tal-band u bħal ħafna (nisperaw) Maltin u Għawdxin, ser inqattgħuh id-dar flimkien mal-iktar għeżież viċin tagħna, bl-ikel tipiku natalizju u ma jonqosx ukoll, ftit mużika fl-isfond għall-atmosfera."

Philip Vella ħa jkun qed jinterpreta l-kanzunetta Il-Kitarra u Jien fuq mużika tiegħu stess bi kliem ta' Joe Julian Farrugia.

Philip bl-iktar mod onest jgħidilna, "Din ma kinitx sena faċli minħabba l-pandemija, kemm psikoloġikament kif ukoll finanzjarjament, biss nistenna li l-ġranet tal-Milied ħa jnisslu paċi u kuraġġ fil-qlub, apparti li jgħinuna nitħabtu għas-sena l-ġdida."

Christina Magrin ħa tkun qed tinterpreta Int Biss bi kliem u mużika ta' Mark Scicluna.

Christina Magrin tispjega li, "L-Ispirtu tal-Milied fi tliet kelmiet niddeskrivih bħala Mħabba, Karita’ u Riflessjoni. Bla dubju huwa żmien fejn infissru b’xi mod jew ieħor l-imħabba tagħna lejn dawk li ngħożżu, sew b’rigal maħsub, messaġġ ġenwin jew telefonata sempliċi. Huwa wkoll żmien fejn naħsbu f’min hu inqas ixxurtjat minna u nagħmlu l-almu tagħna biex inferrħu lil dawn in-nies. Il-Milied għalija ifisser ukoll żmien ta’ riflessjoni u ġabra spiritwali personali. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-Milied se tkun ftit diffiċli għalija din is-sena mhux biss minħabba s-sitwazzjoni preżenti, fejn il-kuntatt mal-għeżież tiegħi huwa limitat, iżda wkoll minħabba li tlift lin-nanna riċentament u dik kienet tkun parti essenzjali minn din iċ-ċelebrazzjoni."

Hi tkompli tgħid. "Se nippruvaw inżommu t-tradizzjoni tal-familja l-aktar qrib ħajja billi niltaqgħu għall-ikla u naqsmu r-rigali flimkien. Ta’ kull sena niltaqgħu ma’ ħafna membri mill-familja estiża li nifforma parti minnha jien, iżda din is-sena se nżommu kuntatt b’modi differenti onlajn peress li ma nistgħux niltaqgħu. Għalija l-importanti hu li l-familja tkun magħquda f’dan iż-żmien tant speċjali. Nixtieq nawgura lil kulħadd il-Milied it-Tajjeb mimli ferħ u paċi fil-qlub."

Avenue Sky ħa jkunu qed jinterpretaw Kompli Tbissem b'mużika ta' Glen Vella u kliem ta' Andy Muscat.

Dan il-grupp ta' ħames ġuvintur jistqarru magħna, "L-ispirtu tal-Milied għalina jfisser żmien ta’ ġabra u żmien li fih nistgħu nieħdu l-opportunità sabiex nieqfu ftit mir-rutina ta’ kuljum u nqattgħu aktar ħin mal-familja u dawk li nħobbu."

Huma jkompli jgħidulna, "Wara sena pjuttost straordinarja fiċ-ċirkostanzi li għexna u li filfatt għadna qed ngħixu, dan il-Milied se nkunu aktar ħerqana li niċċelebrawh id-dar flimkien mal-familjari tagħna. Inħarsu dejjem lejn il-pożittiv, napprezzaw li għandna l-opportunità li ngawdu lil xulxin u nħarsu ’l quddiem għal żminijiet aħjar."

Aħna f'isem Gwida.mt, nawguraw lill-parteċipanti kollha li bejn it-18 u l-20 ta' Marzu ħa jkunu qegħdin jikkompetu f'Mużika Mużika - Festival Tal-Kanzunetta Malija. Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' Mużika Mużika billi tagħfas HAWN.

Niltaqgħu m'aktar parteċipanti fil-ħin li ġej. 


Anthony Baldacchino