Ftit ġranet ilu ħabbarna li l-kantanta Mirian Conte applikat għal X Factor Malta, allura l-mistoqsija tiġi weħidha. Jekk Mirian Conte applikat għal X Factor bħala solista, il-grupp 4th Line ħa jkompli?
4th Line kien l-aħħar grupp li nqalgħa fl-ewwel staġun ta’ X Factor Malta u mill-mument li l-erba’ tfajliet ingħaqdu kien hemm dik il-ħaġa speċjali dwarhom. Tant hu hekk li anke Howard, kien qallhom li għandhom ċans jirbħu s-sensiela.
Sfortunatament l-avventura tagħhom intemmet qabel il-waqt u waħda minnhom ħabbret li dieħla bħala solista. It-tliet membri l-oħra tal-grupp ħa jkomplu bħala tlieta, ħa jdaħħlu lil xi ħadd ieħor minflok jew inkella ħa jieqfu u jiffokaw fuq il-karriera tagħhom ta’ solisti? Ta’ min ngħidu li lkoll applikaw bħala solisti fl-ewwel staġun.
Nicole Falzon rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza tal-2017 mill-kategorija tat-talent ġdid bħala solista, xi ħaġa li qatt ma kienet saret qabel! Dan hu fatt ċar li juri kemm minn dejjem kienet tipprometti bħala solista.
Anthea Alicia ħadet sehem fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza tas-sena l-oħra u kemm-il darba siefret barra minn xtutna ġo festival varji u ħarġet bl-isbaħ unuri għal Malta. Milena Bianco, iż-żgħira tal-grupp deheret diversi drabi f’kompetizzjonijiet lokali tal-kant u dejjem kienet tikseb riżultati b’saħħithom.
It-tfajliet żgur mhux neqsin mit-talent individwalment u ċerti li tkun xi tkun id-deċiżjoni tagħhom, solisti jew fi grupp għandna ħafna ħafna aktar x’nisimgħu minn dawn it-tlett ismijiet. Awguri mill-qalb għal futur, tkun xi tkun id-deċiżjoni li tieħdu.
Facebook / 4th Line