Malli jasal l-aħħar ta' Novembru, il-Bormliżi jtertqu qalbhom dwar kif se jkun it-temp fl-ewwel ġimgħa ta' Diċembru; ġimgħa li tant jistennew. Iżda din is-sena jidher li hemm temp tajjeb. U bix-xieraq! Din is-sena kienet waħda ta' ċelebrazzjoni għall-Bormliżi.

Fil-fatt din is-sena l-Bormliżi ċċelebraw il-75 sena anniversarju mill-pellegrinaġġ nazzjonali li kien sar bil-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-inkwadru nkurunat mill-Bażilika ta' Sant'Elena f'Birkirkara għall-Bormla. Fil-fatt, dawn it-teżori kienu nżammu fil-Bażilika ta' Sant'Elena biex jistkennu mill-qilla tal-bombi li fuq il-Kottonera, kienu jinżlu bħal xita.

Il-Bormliżi talbu lill-Immakulata telishom u tgħinhom kif ukoll biex il-Kolleġġjata tagħha ma tinqeridx u wiegħeduha li jsir pelegrinaġġ minn Birkirkara sa Bormla. L-Immakulata semgħet talbhom u l-Bormliżi żammew kelmthom.

Ritratt: Facebook/ Nostalgia Malta

Biex jiċċelebraw dan l-anniversarju, illejla f'Bormla fis-19.30 ser jittella' spettaklu Diamonds of Fire; spettaklu ta' nar sinkronizzat mal-mużika. Malta kollha taf kemm l-Immakulata Kunċiżżjoni hija għal qalb il-Bormliżi u aħna minn Gwida nawgurawlkom il-festa t-tajba!

Ritratt: You Tube/ Il-Kunċizzjoni ta' Bormla


Clifford Galea