Min ma jieħux gost jinvesti u jkun jaf li l-investiment li għamel hu wieħed sigur u fis-sod? Bħalissa l-MFSA qed tniedi kampanja edukattiva biex toħloq aktar għarfien bl-għan li tqajjem kuxjenza u tipprovdi pjattaforma li wieħed jista' jirreferi għaliha jekk jitħajjar li jagħmel investiment finanzjarju.
L-MFSA hija responsabbli biex tissalvagwardja l-interessi tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji, infatti fuq l-inizjattiva tal-IOSCO qed iniedu din il-kampanja li żgur ħa sservi ta' għajnuna lil dawk li jixtiequ li jieħdu l-pass li jmiss biex jagħmlu investiment.
Il-litteriżmu finanzjarju huwa essenzjali, essenzjali sabiex jgħin lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar kif u fejn jinvestu flushom. Infatti minħabba l-fatt li l-MFSA għandha l-obbligu li tipproteġi u teduka lill-konsumatur, iddeċidiet li t-temi prinċipali jkunu maqsuma fi tnejn, finanzjament sostenibbli u investiment bilgħaqal.
Investiment Sostenibbli
- L-investiment sostenibbli jirreferi għall-proċess li jqis il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment, li jwassal għal aktar investimenti fit-tul f’attivitajiet u proġetti li huma sostenibbli b'mod ekonomiku.
Investitur Għaqli
- Investitur għandu jiżgura li primarjament qed f'kuntatt ma' fornitur ta' servizzi ta' investiment awtorizzat mill-MFSA u / jew minn Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji fl-UE. Barra minn hekk, l-investitur jeħtieġ li jkun konxju tat-tipi ta' servizzi ta' investiment li qed jiġi offrut lilek u f'każ ta' dubju għandu jistaqsi lir-rappreżentant tas-Servizzi ta' Investiment awtorizzat. L-investitur għandu jiżgura li hu / hi jaqra d-dokumenti kollha bir-reqqa u jikseb kjarifiki f'każ ta' bżonn speċjalment qabel ma jiffirma kwalunkwe dokumentazzjoni.
L-MFSA tixtieq tgħaddi numru ta' messaġġi importanti lill-pubbliku ġenerali biex dak li jkun ma jingidimx u jħossu sigur meta jiġi biex jieħu pass biex jinvesti fi prodotti finanzjari.
Importanti immens li wieħed iżomm f'moħħu li l-prestazzjoni tal-passat mhix garanzija tal-futur. Wieħed għandu jkun konxju mid-differenza bejn investiment kumpless u investiment mhux kumpless. Kull dokument provdut għandu jinqara bir-reqqa qabel wieħed jiddeċiedi li jinvesti.
Fil-każ ta' servizzi ta' konsulenza, ikkunsidra dak li qed jiġi rrakkomandat fis-Suitability Report, qabel ma tipproċedi bi transazzjoni. Kun żgur li tkun ipprovdut b'kopja tiegħu. Dan tal-aħħar għandu jiddeskrivi l-parir li jissodisfa l-preferenzi, l-għanijiet u l-karatteristiċi l-oħra tal-investiment tiegħek.
Għandek tkun taf li servizzi ta' investiment differenti huma disponibbli, skont il-grad ta' appoġġ (jekk hemm) li qed tfittex. Jekk tħoss li għandek bżonn il-pariri ta’ konsulent finanzjarju awtorizzat jew trid tiddelega d-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħek lill-maniġer tal-portafoll awtorizzat, tista' titlob speċifikament għal pariri dwar l-investiment jew servizzi offruti.
Jekk tagħżel wieħed minn dawn is-servizzi, ir-rappreżentant tal-kumpanija tal-investiment jistaqsik diversi mistoqsijiet biex tifhem l-għanijiet tal-investiment tiegħek (inkluż l-attitudni għar-riskju), l-għarfien u l-esperjenza tiegħek u ċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħek sabiex ikun jista’ jagħżel strument finanzjarju xieraq jew portafoll ta’ investiment. Dawn il-mistoqsijiet jiffurmaw parti mis-Suitability Test.
Punt importanti li l-MFSA tagħmel hu li wieħed jiddiversifika l-investiment tiegħu, investitur ma għandux ipoġġi kollox f'investiment wieħed biss. L-assi kripto huma assi diġitali li jista' jwassal għall-investimenti riskjużi li l-valur tagħhom jista' jinbidel malajr u jkun ukoll imprevedibbli.
L-MFSA tisħaq li wieħed għandu jkun dejjem preparat għall-ispejjeż u jifhem li prodotti u servizzi differenti jafu jirrikjedu ħlasijiet differenti. Huwa importanti li tiftakar li, ġeneralment, return ogħla jfisser riskju ogħla. Qabel ma tinvesti, trid tikkunsidra bir-reqqa r-riskju li tista' tkun espost għalih. Oqgħod attent minn skemi ta' investiment li huma ppreżentati b'mod li jġiegħlek temmen li m'hemm l-ebda riskju relatat mal-investiment.
Trid tagħmel ir-riċerka tiegħek stess, anke jekk il-prodott li trid tinvesti fih ġie rreklamat minn ċelebrità jew influencer. Wieħed irrid jiftakar li investiment f'bonds u ishma lokali mhux koperti minn skemi garantiti.
Id-differenza bejn garanzija u sigurtà hija importanti ferm. Tajjeb li tfittex il-fatturi ta' riskju relatati mal-garanzija u s-sigurtà li huma indikat b'tipa grassa fil-prospett u dejjem ibbaża d-deċiżjonijiet tiegħek fuq informazzjoni formali bħal prospett u avviżi tal-kumpanija. Importanti li tiġbor l-informazzjoni kollha disponibbli għalik u dejjem żomm aġġornat mal-affarijiet tal-kumpanija li investejt fiha.
Bħala investitur, għandek tkun konxju li l-istrumenti finanzjarji b'elementi ta' sostenibbiltà huma disponibbli fis-suq. Meta tixtri strument jew servizz finanzjarju, inti għandek tkun konxju li jista' jkollu impatt ambjentali u soċjali differenti u għalhekk tista' tkun trid tikkunsidra dawn il-fatturi fid-deċiżjoni ta' investiment tiegħek. Bħala l-ewwel pass, għandek bżonn tiddetermina n-natura tal-preferenzi ta' sostenibbiltà tiegħek stess.
Meta tieħu deċiżjonijiet ta' investiment, għandek tqis liema fatturi ESG huma ta' importanza u tiżgura li l-investiment ikun konformi mal-preferenzi ta' sostenibbiltà tiegħek. Meta tfittex parir finanzjarju professjonali, għandek tispjega b'mod ċar il-preferenzi ta 'sostenibbiltà tiegħek lill-konsulent finanzjarju tiegħek. "