Sar appuntament ta’ kull sena li t-tenur Malti ta’ fama nternazzjonali Joseph Calleja jagħti kunċert għall-udjenza li toħnoq il-pjazza ta' fuq il-fosos tal-Furjana, sena wara sena.
Min kienu l-protagonisti tas-serata tal-bieraħ u xi prestazzjonijiet taw?
L-orkestra filarmonika ta’ Malta fetħet il-kunċert b’La Forza Del Destino.
Waħda mill-ewwel mistiedna fuq il-palk kienet is-soprana Gillian Zammit fejn għamlet dwett ma’ Calleja.
Kien imiss imbagħad lit-tenur innifsu sabiex isaħħar lill-udjenza b’xi kanzunetti bl-Ingliż mill-album il-ġdid tiegħu. Dan wassal biex jintroduċi lill-mistieden prinċipali tas-serata, Andrea Bocelli.
Ta’ kull sena jingħaqdu ma’ Calleja l-kor magħmul mit-tfal, fejn ilbieraħ kantaw Circle Of Life mill-film The Lion King bis-sehem ta’ Nicole Frendo. Hi kantat ukoll waħda mill-kanzunetti li għaliha baqgħet tissemma’ minn X Factor Malta, Purple Rain.
Dwett li Calleja jistqarr li ilhu ġej ftit mhux ħażin, huwa dak tiegħu flimkien ma’ Ira Losco, u wara diversi snin, dawn iż-żewġ artisti qasmu l-palk għall-ewwel darba bil-kanzunetti La Vie En Rose u Don't Cry For Me Argentina.
Mistiedna oħra fis-serata tal-bieraħ kienet Michela li kantat Shallow u Inti Djamant ma’ Calleja.
Is-serata għalqet bil-kbir hekk kif Bocelli u Calleja kantaw Nessun Dorma.
Il-kunċert kollhu bħal kull sena mistenni jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali aktar tard din is-sena.
Facebook / @nngpromotions