Huwa importanti li wiehed jieħu kors tal-ewwel ghajnuna, sabiex ikun infurmat fuq metodi differenti ta' kif jista' jgħin f'każ ta' trabi, tfal, adulti u nisa tqal, li jkunu f'riskju li jifgaw fl-ikel.

Fil-paġna ta' Facebook tagħha Dr. Georgiana Farrugia Bonnici tispjega fid-dettall dwar x'wieħed jista' jagħmel: 

Wieħed jista’ faċilment jinnota li persuna qed tbati biex tieħu n-nifs meta jismagħha tisgħol, ma tkunx tista titkellem sew, jaf tibda żżomm għonqha biex tipprova taqla’ l-biċċiet tal-ikel li jkunu weħlu fil-pajp tan-nifs, jew tagħmel movimenti oħra b’idejha biex tipprova tikkomunika li għandha diffikultà biex tieħu n-nifs. 

Probabli tisma’ ċerti ħsejjes ta’ tħarħir jew tisfir ġejjin mill-gerżuma. Meta persuna tkun ilha ftit minuti b’nuqqas ta’ ossiġnu, dan iwassal sabiex il-kulur tal-ġilda jibda jkanġi lejn il-lewn blu, u anke li tintilef minn sensieha.

Jekk jiġri dan, x'għandek tagħmel?

  1. Baxxi ras il-vittma ħarira l’isfel, u pprova 5 ‘backslaps’, jew aħjar 5 daqqiet fuq id-dahar tal-vittma, eżattament fin-nofs tal-ġwenħiet.
  2. Wara li jkun sar dan, huwa importanti li wieħed jiċċekkja l-ħalq tal-vittma sabiex jara jekk il-biċċiet tal-ikel ikunux viżibbli.

Jekk dan l-attentat ifalli wara 5 darbiet, u l-vittma xorta tkun qed turi sintomi ta’ distress, wieħed għandu jipprova il-‘Heimlich Maneuver’.

Din il-manuvra tista’ ssir billi wieħed jippożizzjona ruħu fuq wara tal-vittma, jagħmel idejh f’forma ta’ ponn ġo xulxin, u jagħfas ‘il fuq u l-ġewwa, direttament fuq il-qadd, taħt il-kustilji. Din il-manuvra tista’ tigi ripetuta sakemm il-vittma tistejqer.

Wara li jsiru dawn l-attentati tal-ewwel għajnuna, huwa importanti ferm li l-vittma tiġi riferuta għal aktar assistenza medika.

Grazzi ta' din l-informazzjoni Dr. Georgiana!

Facebook / ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici


Kylie Ann Chircop