Mariella Mizzi Attard, ta' spiss titkellem u tosserva dak li qed iseħħ madwarna. Dalgħodu qasmet kitba fuq dak li qed jintwera fuq l-istazzjonijiet televiżivi u anke fuq dak li qed joħroġ fuq il-mezzi soċjali.
Hi tikteb, "Jien waħda li nsegwi dak kollu li jixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi Maltin. Illum faċli ssegwi, għax tista' tara xħin trid u kif trid, tqabbeż, treġġa' lura, u programm ta' siegħa tista' tarah fi kwarta. Mingħajr ma niġġeneralizza, għax hawn ċerti produzzjonijiet ta' kwalità għolja, ikolli ngħid li ċerti produzzjonijiet oħra jinsulentaw l-intelliġenza tat-telespettaturi. Fuq l-iskrin mhux darba u tnejn tara għaddejjin kitbiet bi żbalji ortografiċi gravi. Fejn hu l-qarrej tal-provi?"
Mariella żżid tgħid, "Programmi li suppost huma edukattivi imma li jispiċċaw iħawdu l-imħuħ b'kontenut żbaljat. Programmi li suppost huma allegri jispiċċaw iraqqduk. Programmi b'intervisti ma' personalitajiet kollha l-istess, xejn ġdid. Drama b'livell li jmur lura seklu u b'atturi li la studjaw it-teknika u lanqas għandhom predispożizzjoni għad-drama. Nixfa ta' ideat ġodda, repetizzjoni tal-istess sena wara sena. Ġurnaliżmu bla rispetti."
Hi tkompli, "Programmi li xxommhom minn seba' mili 'l bogħod li n-nefqa għalihom kienet minima imma li r-reklami fihom jabbundaw. Programmi li biex ikollhom livell iridu jimpurtaw l-ideat u l-format minn produzzjonijiet barranin. L-istess uċuh tarahom kontinwament tant li tibda titħawwad karattru ma' ieħor. Stazzjonijiet ixandru programmi kważi identiċi fl-istess ħin."
"Hemm iktar xi ngħid, imma dawn huma l-ideat li qed jiġu f'moħħi bħalissa. Tista' tgħidli li nista' naqliblu u nsegwi stazzjonijiet barranin, imma għaliex għandi nagħmel hekk? Jien inħobb insegwi l-prodott Malti. Ma narahomx? Jekk ma narahomx ma nistax nevalwa. Hemm numru ta' produzzjonijiet Maltin ta' livell għoli, verament. Ma nsemmix ismijiet għax l-iskop tiegħi mhux li nagħmel il-ħsara lil min ma nidentifikahx mat-tajbin. Ċerta li hawn jaf eżatt xi rrid ngħid. Però ilni ħafna biex nesprimi dawn il-ħsibijiet."
B'mod onest hi tgħid, "Wisq nibża' li l-kwantità qed tirbaħ lill-kwalità. Imma t-telespettatur ħaqqu aħjar. Hemm bżonn li kull xandar iżomm f'moħħu r-responsabbiltà li għandu... imbagħad il-famużi podcasts li nsibu online huma storja oħra (mhux kollha, ovvjament). Hemm veru missejna l-qiegħ."
Facebook / Mariella Mizzi Attard