L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, fetaħ uffiċjalment Wirja dwar il-Kumitat Paralimpiku Malti fil-Parlament ta' Malta.
F'diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker appella lill-awtoritajiet ikkonċernati li huma għandhom dejjem jibqgħu qrib dawk kollha li huma impenjati f'dan il-qasam biex persuni b'diżabilità jkomplu jirċievu kull għajnuna li jeħtieġu biex jgħixu ħajja b'dinjità.
L-Ispeaker faħħar il-programm edukattiv I'm POSSIBLE, intiż biex joħloq l-ambjent ideali biex persuni b'diżabilità jħossuhom milqugħa minn sħabhom u persuni oħra, bil-għan li dawn il-persuni jingħataw l-għajnuna sabiex jaslu biex jagħtu l-kontribut tagħhom fl-iżvilupp ta' pajjiżhom.
Il-pubbliku hu mistieden iżur din il-wirja fil-Parlament ta' Malta sas-Sibt, 30 ta' Settembru 2023. Matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sal-Ġimgħa) se tkun miftuħa bejn id-09:00 u s-18:00, u s-Sibtijiet u Ħdud se tiftaħ bejn id-09:00 u 12:00.
DOI