Din il-ġimgħa kienet l-ewwel ġurnata tal-iskola tista' tgħid għal kważi l-istudenti kollha f'Malta. Hawn ħafna adulti li f'dan iż-żmien b'xi mod jew ieħor jiftakru fit-tfulithom. Ngħid għalija jien, it-tibdil tat-temp f'dan iż-żmien joħodni lura għal meta kont tfal. Inħoss li donnu t-temp jaf li ħa tibda l-iskola u ma jibqax sħun daqs kemm kien qabel u ħafna drabi jissaħħab xi ftit ukoll!

Ritratt: Facebook / Wayne Aquilina - Sindku Tal-Kalkara

Il-preżentatur Wayne Aquilina li hu wkoll is-Sindku tal-Kalkara fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu xeħet ftit ritratti mill-iskola primarja tal-lokal, li inċidentalment tiġi l-iskola li fiha kien jattendi hu wkoll. "Kemm ħadt gost illum, fl-ewwel jum tas-sena skolastika, li kelli ċ-ċans niltaqa' mal-Kap tal-iskola tar-raħal tagħna Ms Cachia. Ġeddidt ħafna memorji tal-ewwel snin tiegħi f'din il-binja, filwaqt li dort l-iskola u ġejt spjegat il-ħidma li saret u qed issir għal ġid tat-tfal li jattendu f'din l-iskola."

Ritratt: Facebook / Wayne Aquilina - Sindku Tal-Kalkara

Wayne itemm il-post tiegħu billi jgħid: "Nifraħ sena ta' suċċess lill-edukaturi u l-istudenti filwaqt li nwiegħed kooperazzjoni sħiħa min-naħa tal-kunsill lejn it-tmexxija, staff u studenti." Messaġġ sabiħ u wkoll li juri apprezzament lejn l-edukaturi tagħna.


Emil Calleja Bayliss