Warren Bonello, iż-żeffien li ħafna jiftakruh ma' Kurt Calleja fil-Eurovision Song Contest tal-2012. Minn dak iż-żmien lil hawn, Warren għamel bosta u bosta affarijiet inkluż qatta' żmien barra minn xtutna.
Aktar kmieni llum, iż-żeffien lokali ħabbar li ħa jkun qed jiftaħ il-kumpanija taż-żfin tiegħu bl-isem ta' D.O.P.E. (Dance, Observe, Perform, Educate). Warren jgħid, "Matul l-aħħar 2-3 xhur ta' din l-esperjenza tal-Covid-19 ħadt ħsibijiet twal u profondi u fl-aħħar iddeċidejt li 'm'hemm xejn x'titlef.'"
Warren jgħid, "Allura fl-aħħar iddeċidejt li ngħaqqad kumpanija taż-żfin - kumpanija li timbotta żeffiena fiżikament, emozzjonalment u artistikament. Il-kunċett kollu ta' dan huwa li nagħti aktar żeffiena u lili nnifsi l-opportunità li noħolqu, nedukaw u niżfnu."
Nhar il-ġimgħa 7 ta' Awwissu ġo St Michael's Foundation f'San Ġwann, Warren ħa jkun qed jagħmel awdizzjonijiet għal dawk kollha interessati li jingħaqdu miegħu. Hu qed ifittex żeffiena varji, dawk interessati jistgħu jibagħtu email fuq [email protected]. Awguri Warren u awguri lil kull min hu interessat japplika!