Nhar it-Tnejn li għadda persuna fuq il-midja soċjali xtaqet tilmenta rigward is-sitwazzjoni fiċ-ċimiterju fil-Mellieħa. Hi xerrdet anke ritratt li tista' tgħid ħasad lil bosta u kien hemm reazzjonijiet kbar. Il-paġna Malta, News, Photos and People xerrdet dan l-ilment.

"Ma nafx minn jieħu hu inkarigat miċ-ċimiterju tal-Mellieħa. Tal-mistħija dejjem mimli bil-wirdien lanqas nista' ngħid talba fejn l-għeżież tiegħi bil-kwiet. Toqob  fl-oqbra u wirdien jiġri ma' kullimkien in-naħa tax-xellug." 

L-ilment ikompli, "Rapporti saru imma jidher li sa dalgħodu l-affarijiet baqgħu kif kienu. Nittama li xi ħadd jieħu azzjoni għax jien lill-għeżież tiegħi hemm nista' mmur narahom u imkien aktar."

Il-kunsill lokali tal-Mellieħa wieġeb għar-reazzjonijiet għal dan l-ilment fejn anke ssemma l-kunsill lokali f'xi kummenti. Il-kunsill jiċċara li din mhix responsabbiltà tal-kunsill, iżda dawk affettwati għandhom jikkuntattjaw lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa Pubblika.

"Fid-dawl tal-ilmenti u l-kummenti li dehru fuq dan il-mezz soċjali, il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jixtieq jiċċara li t-tindif u l-manutenzjoni taż-żewġ ċimiterji fil-Mellieħa hija responsabiltà tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali fi ħdan id-Dipartiment tar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa Pubblika, u mhux tal-Kunsill Lokali."

Il-kunsill ikompli, "Għall-benefiċċju ta’ persuni li għandhom qraba midfuna fl-istess ċimiterji, il-Kunsill qed jagħmel tajjeb sabiex l-istess ċimiterji jinfetħu mit-Tnejn sal-Ħadd mit-08:00 sal-17:00, bejn Ottubru u Mejju, u mit-08:00 sas-19:00 fil-bqija tas-sena."


Kyle Zarb