Fil-festival Mużika Mużika ta' April li għadda, għat-tieni darba konsekuttiva, l-grupp Kantera ħalla impatt pożittiv! Sena ilu bil-kanzunetta L-Ewwel Jien, impressjonaw bil-kbir kienu, u klassifikaw fit-tielet post. Din is-sena l-grupp spiċċa fit-tieni post bil-kanzunetta Tkun L'Hawn Għaddi.
Kanzunetta li baqgġet tissemma ma' ħafna u kompliet esponiet l-istil tradizzjonali u partikolari ta' Kantera. Aħna ta' Gwida.mt tkellimna dwar dan u aktar mal-grupp. Bdejna billi staqsejnihom dwar ir-rispons tal-pubbliku għall-kanzunetta Tkun L’Hawn Għaddi.
"Ir-rispons tal-pubbliku ma' qatax mis-sena l-oħra lil'hawn u speċjalment meta l-pubbliku sar jaf li erġajna għaddejna għall-fażi tas-semifinali ta' din is-sena, kien hemm ċertu kurżità ta' kif tista' tkun il-kanzunetta kif ukoll x'ser nilbsu peress li s-sena l-oħra rawna lebsin il-ħwejjeġ bid-drapp bħal tal-ixkora."

"Rigward il-kanzunetta Tkun 'L Hawn Għaddi fuq kliem ta' Joe Julian Farrugia u mużika ta' Elton Zarb niżlet tajjeb ħafna man-nies għaliex hija b'ritmu allegruż u li kulħadd jista' jkanta magħna, b'messaġġ fejn il-ħajja tant saret mgħaġġla biex insibu ħin għalina u napprezzaw is-sbuħija ta' madwarna."
Wara sentejn fejn il-grupp ippromwova l-mużika tagħhom, kif qed jintlaqa’ l-istil ta’ daqq tradizzjonali u l-mużika kontemporanja ta’ Kantera? "L-istil tagħna qiegħed jintlaqa' tajjeb ħafna. Meta konna fuq il-palk ta' Mużika Mużika ninterpretaw il-kanzunetta Tkun L'Hawn Għaddi u smajna l-udjenza jkantaw u jċapċpu mar-ritmu, ħassejna ferħ u eċitament kbir li l-pubbliku qed japprezza l-mużika kontemporanja tagħna."
Kantera jkomplu billi jirringrazzjaw mill-ġdid lill-pubbliku għal dan ir-rispons. "Grazzi għall-publiku li għoġbu jivvutalna wkoll sabiex stajna nikklassifikaw fit-tieni post ta' Mużika Mużika." Għandhom xi parti mil-lirika, l-iktar favorita għalihom?!
"Il-parti tal-chorus hija għal qalbna ħafna għaliex jiġbor il-messaġġ tal-kanzunetta permezz tal-idjomi Maltin biex noħorġu mill-ħajja mgħaġġla ta' kuljum u napprezzaw aktar lill-għeżież tagħna.
Ħalli rasek fejn issibha,
Tkun 'l hawn għaddi, l-bieb miftuħ
Poġġi, l-ftira sħuna tajba
Flixkun aħmar inniżluh. "
Fit-tieni serata Kantera kellhom dwett mal-kantant u mużiċist Daniel Cauchi, u jidher li ħadem sew. X'kellhom xi jgħidulna dwar dan u kif ħadmu flimkien miegħu?
"Id-dwett ma' Daniel Cauchi bil-kanzunetta Qalb ta' Kampanjol intlaqa' tajjeb ħafna mill-pubbliku. Kienet l-ewwel esperjenza flimkien fejn kellna sinerġija tajba ħafna."
Staqsejnihom hemmx ċans li naraw xi kollaborazzjoni ma' Daniel fil-futur. "Aħna ma neskludu xejn għax l-istil kontemporanju tagħna jħalli ħafna niċeċ miftuħa li naħdmu ma' diversi artisti."

L-akbar mistoqsija li naħseb mhix tagħna biss! Ser nerġgħu narawhom waqt Mużika Mużika lil Kantera f’edizzjoni oħra?
"Is-sena l-oħra wara l-festival kellna l-istess mistoqsija fejn ma kellnix idea jekk nerġgħux nieħdu sehem għax konna qegħdin niffukaw fuq materjal oriġinali. Din is-sena qegħdin fl-istess fażi fejn qegħdin naħdmu fuq materjal ġdid u nippreparaw għall-kunċerti li għandna dan is-sajf. Ma nħobbu neskludu xejn imma fil-mument qegħdin niffukaw fuq materjal oriġinali li ser joħroġ aktar 'il quddiem."
Minn qalbna nawguraw lill-grupp Kantera aktar suċċessi!
Facebook/ Kantera