Ivan Gaffiero spiss ikun hemm jgħin lil min hu tassew fil-bżonn. Il-programmi tiegħu fuq ir-radju jgħinu lil batut u lil min ikun solitajru. Hu stess għadda minn żmien xejn pjaċevoli u żmien il-Milied ċertament li jfakkar lil diversi nies fil-mumenti iebsa tal-ħajja. 

Ivan, tikkunsidra lilek bħala persuna li tħobb il-Milied u l-ispirtu li jġib miegħu?

Bħala Milied ħa nkun sinċier kont nidħol aktar f’atmosfera meta kont iżgħar, meta kont abbati, il-funzjonijiet tal-Milied u hekk, però xorta nipprova dejjem li nidħol f’atmosfera anke d-dar u x-xogħol, inħobb kemm għalija u ta' madwari.

Nafu li tkun impenjat b’diversi avvenimenti tul il-festi u dejjem tipprova tferraħ ħafna nies. Imma Ivan, biex jifraħ l-iżjed f’dan il-festi?

Vera inkun aktar busy, però l-aktar li nieħu gost apparti ix-xow tiegħi ta' Miss u Mr Christmas, hija li waqt is-serata inġib nies fil-bżonn u tarahom jiftħu r-rigali bil-ferħ fuq wiċċhom. Nieħu gost ukoll meta mmur f’dar tal-anzjani inkanta, tarahom jieħdu wisq gost.

Hemm xi Milied li ma tinsa qatt, minħabba esperjenza partikolari li kellek?

Esperjenza kerha ħafna, meta niftakar xi 15 il-sena ilu ma kellix flus biex nixtri r-rigali lill-uliedi, kien l-għar Milied. Kien l-ewwel Milied separat, u kienet diffiċli ħafna l-ħajja dak iż-żmien.

Kif tkun ġurnata tipika ta’ Ivan nhar il-Milied u ma’ min tgħaddi din il-ġurnata tant speċjali?

Mhux kull Milied xorta, ġieli konna nkunu mistiedna u ġieli jistiednuna, din is-sena nixtieq li nagħmel l-ikla tal-Milied id-dar għandi mal-familja.

Xi tgħid lil dawk li forsi f’dan il-jum jinsabu weħidhom, ’il bogħod mill-għeżież tagħhom jew għax m’għandhom lil ħadd?

Dawn li jinsabu weħidhom għalihom hija l-agħar ġurnata, li int taf li ħafna familji jinsabu flimkien u int tinsab waħdek, ġurnata tal-biża'. Nixtieq li din is-sena aktar nies jaħsbu f’dawn in-nies. Ma nixtieq lil ħadd waħdu, imma xi kultant il-ħajja mhux ta' kulħadd l-istess u hawn ħafna nies f’solitudni.

Hu jagħlaq billi jgħid, "Jien minn qalbi nawgura lill-qarrejja kollha ta' Gwida, ħafna ferħ, u kuraġġ. Tibżax mill-ħajja. Int trid tkun kapaċi li tqum u tħares 'il quddiem. J’Alla s-sena 2022 tkun aħjar minm dik li kellek, u ftakar li fil-ħajja qatt ma int waħdek."


Emil Calleja Bayliss