Dalwaqt jibda Division 7 fuq ONE. Il-ġimgħa l-oħra rajna aktar dwar il-karattru ta’ Vicky. Joe ir-raġel tagħha irrid jeħles minn Tereż u Karen billi jisplodihom ġol-ħabs! Tgħid Vicky kif qed tħossha dwar dan?

Qed tibża mir-raġel tiegħek issa li għeddek li ħa joqtlok? 

Lil żewġi m'għadnix ngħarfu.  Għalija dak m'għadux żewġi.  Huwa sempliċiment raġel illi għax dejjem fdajtu rnexxielu jdaħħalni f'basla liema bhala u ma nafx kif se ninqala' minnha.  Veru li heddidni li joqtolni però mhux dik l-iktar ħaġa li tbeżżagħni.  Bħalissa jagħmilli pjaċir jekk joqtolni ħalli neħles mid-diżastru li qed jiċċirkondani.  Iżda li jbeżżagħni hu li jagħmel ħsara lill-iktar persuni li nħobb f’ħajti.  Lill-ġenituri tiegħi.  Dawk innoċenti.  M'għandhomx x'jaqsmu.  U hu jaf li lili se jweġġagħni mmens jekk jiġrilhom xi ħaġa.

Taħseb li jasal joqtlok imma? 

Li jasal m'għandix dubju.  Għalih m'għadni nfisser xejn u għandi dubji kbar jekk qatt kontx infisser xi ħaġa għalih.  Jiġifieri jasal żgur. Iżda hu jaf li bijja għandu pedina u allura nemmen illi l-ewwel għażla tiegħu ma tkunx li joqtol lili.

Żewġek irrid li int tisplodi l-bomba l-ħabs, qed taħsibha jew ħa tgħinu? 

Ormai tlift il-kontroll ta' ħajti.  Tlift il-kontroll ta' moħħi.  M'għadnix libera nagħmel dak li hu ġust.  Li ma kienx għall-ġenituri tiegħi kont nagħżel triq oħra imma la għadhom magħna rrid nipproteġihom.  Għandi d-dover li nipproteġihom.

Għaliex irid joqtolhom lil Tereż u Karen?

Joe ma jġerraħx is-sitwazzjoni li jkun taħt rikatt kontinwu u f'dawn it-2 donnu sab kappell jiġieħ.  Tereż tafu sew!  Min jaf x'taf aktar dwaru!  Karen spiċċat daħlet bejn il-basla u qoxritha.  Jekk ma jeħlisx minnhom ser jibqgħu jippersegwitawh u naturalment ħin x'jaħli magħhom m'għandux.  Kemm kemm ma jridx ibellagħhieli li jekk imutu dawn it-tnejn jien u hu nerġgħu lura għan-normal.  Jekk qatt eżista n-normal għax meta nħares lura nirrealiżża li kont qed ngħix f’ħolma.

Miskina Vicky! MIl-aktar gwardjana soda spiċċat gwardjana debboli! Imma minjaf x’ser jiġri llejla? Tgħid il-bomba ser tisplodi?


Anthony Baldacchino