Kevin Borg qasam mas-segwaċi tiegħu storja li se tibqa’ mnaqqxa f’qalbu għal dejjem.
Hu kiteb, “Vera nieħu pjaċir meta n-nies iwaqqfuni u jkellmuni kull fejn inkun! Għandi ħafna stejjer sbieħ għax niltaqa’ ma’ nies ġodda kuljum fit-toroq ta’ Malta, Għawdex, l-Iżvezja, u kullimkien li jaf inkun fid-dinja. Ħa naqsam magħkom storja li sebbħitli l-ġurnata. Din ġrat ftit tal-ġimgħat ilu... kont sejjer inkanta filgħodu kmieni ż-Żabbar u jien it-tip ta’ persuna li nħobb nasal fil-ħin kull fejn immur allura normalment nasal siegħa qabel biex żgur inkun fil-ħin. Kull fejn inkun f’Malta, inħobb nibda miexi u nesplora affarijiet ġodda allura bdejt nimxi fiż-Żabbar imma ma kellix idea fejn kont għax m’iniex familjari mal-post. Il-ħin kien xi s-sebgħa ta’ filgħodu u sakemm kont miexi, koppja anzjana għaddiet minn fejja u wara ftit sekondi r-raġel qalli ‘Ħojj Kevin intlift?’ u jien għedtilhom li kont qed nimxi biex jgħaddi l-ħin għax kelli nkanta!”
Ir-raġel dak il-ħin qallu biex jiġi miegħu ħalli joqgħod jurih iż-Żabbar. Ħadu lill-mara tar-raġel tixtri mingħand ħanut u hekk kif xejjritlu, ir-raġel qallu, “Ejja ħa nurik Ħaż-Żabbar!” Hu beda jimxi miegħu hekk kif spjegalu l-istorja taż-Żabbar u mxew minn fejn ballun ta’ kanun Franċiż li kien weħel ma’ dar fis-sena 1798 u għadu hemm sal-lum!
Kevin kompla jikteb, “Imxejna u mxejna u l-ħin tar. Għedtlu li vera żewwaqli l-ġurnata, għax veru għamel hekk. Sellimna lil xulxin u mort inkanta. Nitgħallem mingħand kulħadd u kif għedt, vera nieħu pjaċir meta n-nies iwaqqfuni biex ikellmuni fit-toroq. Meta tarawni, tiddejqux tiġu tkellmuni! Ridt naqsam din l-istorja magħkom għax hi waħda mill-ħafna li ġġiegħlni nirrealizza li għażilt it-triq it-tajba fil-ħajja u nħossni ferħan li għandi tant appoġġ mingħand ħafna nies hemm barra. Grazzi kollha kemm intom!”
Facebook / Kevin Borg