Issa li s-sajf qiegħed fl-eqqel tiegħu u l-longa daħlet ġmielha, ħafna nies ifittxu li jittrenjaw fl-inqas ħin li tkun sħana. Għaldaqstant, ikun għaqli li nittrenjaw barra, forsi ftit iktar tard mis-soltu wkoll, minflok ġewwa f’xi gym tas-soltu.

Hemm diversi vantaġġi li tittrenja barra minflok ġo gym. Wieħed mill-vantaġġi huwa li tbiddel l-ambjent jew l-atmosfera li tittrenja fiha. Fejn issoltu forsi tittrenja u tuża magni jew affarjiet simili biex toħloq resistenza fuq il-muskoli, meta tittrenja barra tuża biss il-piż ta’ ġismek. Attwalment dan ikun ta’ benefiċċju għall-ġisem għaliex ikun stimoli differenti u minħabba f’hekk taħraq iktar kaloriji kif wkoll tħaddem ġismek b’modi u angoli differenti.

Vantaġġ ieħor li tieħu meta tittrenja barra huwa l-aspett mentali tal-eżerċizzju. Li titrenja ġewwa gym huwa tajjeb u fih il-benefiċċji tiegħu, però li tittrenja barra, waħdek, għall-kwiet u l-paċi fih is-sabiħ tiegħu wkoll. Dan jinħass iktar jekk inti s-soltu tittrenja ġo gym kemxejn busy jew forsi taħdem f’ambjent daqsxejn storbjuż. Meta tittrenja barra u f’ambjent kwiet tkun tista’ tuża l-eżerċizzju bħala forma ta’ meditazzjoni, illi apparti li jgħinek fiżikament jgħinek ħafna wkoll mentalment u emozzjonalment.

Għalhekk tħarisx lejn is-sajf u s-sħana li jġib miegħu bħala xi ħaġa li taqtgħalek qalbek biex tagħmel l-eżerċizzju, minflok uża t-temp sabiħ u l-vantaġġ li jdum ma jidlam biex tgawdi u ssaħħaħ lilek innifsek.

Ibgħat il-mistoqsijiet tiegħek lil Josef Mizzi indirizzati hekk: Gwida/Josef Mizzi, Content House, Mallia Buildings, 3, Level 2, Triq in-Negozju, Zone 3, Central Business District, Birkirkara, CBD 3010 jew indirizzati fuq il-facebook: www.facebook.com/Fusinu

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Gwida.mt