L-organizzazzjoni volontarja, Breeds of Origin Conservancy, nnominat lil Joseph Muscat magħruf mal-bosta bħala ‘il-Beżuża’ għal Ġieħ ir-Repubblika, u ddeskrivietu bħala teżor nazzjonali. Muscat kien meqjus ukoll bħala wieħed mill-aħħar kustodji tal-mogħża indiġena Maltija, li tinsab f’riskju li tinqered.

Darryl Grech, Fundatur tal-Breeds of Origin Conservancy, iddeskriva lil Muscat bħala ikona u bniedem ta’ rispett kbir. "Kien bniedem eżemplari, li għex b’valuri u prinċipji tradizzjonali, ta’ ħajja sempliċi u rurali sal-aħħar ta’ ħajtu."

Hu jżid, "Id-dedikazzjoni tiegħu biex iħares dawn it-tradizzjonijiet, minkejja l-bidla taż-żminijiet, għamlitu personaġġ uniku, maħbub immens fil-komunità tagħna. Il-kontribut tiegħu kien sinifikanti sabiex jinżamm il-wirt nazzjonali Malti, fosthom il-bhejjem indiġeni Maltin kif ukoll il-wirt kulturali u rurali."

Hu jkompli, "Ġużu irrappreżenta l-ħajja rurali f’Malta, li llum l-ġurnata, mal-bidla taż-żminijiet tista tgħid li ntilfet għal kollox. Il-mewt tiegħu hi telfa kbira għas-settur tagħna. Tul ħajtu, dejjem stinka u ħadem bi ħġaru sabiex jitellgħu l-wirjiet tal-bhejjem b’mod speċjali fl-Imnarja u kien pedina mportanti għat-twaqqif tal-Wirja Agrarja fir-raħal tiegħu, Ħad-Dingli. Il-ħidma u l-isforzi tiegħu jirriflettu x-xewqa tiegħu li jżomm ħaj il-wirt agrikolu Malti u jeduka lin-nies dwar l-importanza tat-tradizzjonijiet li writna fil-kultura Maltija."

Hu jtemm, "Barraminnhekk, Ġużu kien raġel ta’ prinċipju, u kien iġib il-familja l-ewwel u qabel kollox. Dan hu rikonoxximent ferm żgħir meta mqabbel mas-servizz sinifikanti li tagħna Ġużu, li ddedika ħajtu għas-settur agrikolu u għall-komunità Maltija. Bniedem verament tas-settur u għas-settur!"


Gwida.mt