Lura f'Diċembru, aħna ta' Gwida kellna ċ-ċans li nkellmu ma' Keith Demicoli dwar il-bidliet li qed jgħaddi minnhom. Fi ftit jiem ħa narawh jippreżenta Shark Tank!

Hu jistqarr magħna, "Is-sabiħ hu li qed nagħmel ħafna affarijiet differenti, programmi fuq affarijiet Ewropej, programm fuq in-negozji u l-intrapriżi, programm soċjali; l-affarijiet li nieħu gost nagħmel. Imbagħad qed ikolli ftit reklami, jew kollaborazzjonijiet kummerċjali ma’ kumpaniji privati."

Keith jispjega, "Qabel, meta kont ġurnalist u kont naqra l-aħbarijiet, ma stajtx nagħmel reklami ta’ kumpaniji għax min jaqra l-aħbarijiet, bil-liġi tal-Awtorità tax-Xandir ma jistax ikun involut f’reklamar. Illum bil-midja soċjali kif kibret, din hija niċċa ġdida."

Meta staqsejna lil Keith jekk hux ħa jsir influencer qalilna, "U le, ma ngħidx li ħa nsir influencer. Anka l-kelma influencer ma tantx togħġobni ħa nkun għidtlek kollox. Imma jekk bil-personalità tiegħi jew li żviluppajt matul is-snin, in-nies nista’ nispirahom biex ikunu aħjar biex jaħsbu fuqhom infushom biex ikunu aktar ferħanin, aktar sodisfatti b’ħajjithom stess u li sa ċertu punt ikun hemm xi kumpanija li jaħsbu li jien nista’ ngħin fil-kampanja tagħhom, ma ngħidx le."

Hu jżid jgħid, "Ma ngħidx iva lil kulħadd għax jiddependi xi jkun il-prodott, imma trid tkun xi ħaġa li naqbel magħha jien. Ħafna drabi s’issa kelli ħafna fuq sostenibbiltà; kumpaniji li jippromwovu prattiċi sostenibbli. Dawk nidħol għalihom bil-qalb kollha għax huma xi ħaġa pożittiva li jien nippromwovi."


Emil Calleja Bayliss