Il-maġġoranza tat-tfal imorru l-iskola b’xi forma ta’ trasport bħal karozza privata, vann, kowċ jew bir-rota. Oħrajn imorru bil-mixi jew għax joqogħdu viċin jew għax dak huwa l-uniku mezz li bih jistgħu jaslu l-iskola. Sakemm timxi fi triq tajba kollox ward u żahar, iżda ħafna huma dawk it-tfal li jimxu minn toroq perikolużi biex jaslu l-iskola.

Fir-raħal ta’ Atule’er fiċ-Ċina, it-tfal bil-basket wara daharhom ikollhom jitilgħu ma’ sellum twil ħafna, li xejn mhu sod, u jixxabbtu mal-blat fi triqithom lejn l-iskola. Dan huwa vjaġġ li jieħu madwar 90 minuta. L-inżul ma’ dawn is-slielem tant huwa perikoluż li qed tiġi kkunsidrata serjament l-idea ta’ skola ‘boarding’.

B’hekk it-tfal imorru d-dar darbtejn biss f’xahar u bis-saħħa t’hekk jitnaqqas ir-riskju li xi ħadd minnhom ikorri serjament. Sadanittant, tfal Ċiniżi li jgħixu fil-provinċja ta’ Sichuan, li tinsab tista’ tgħid fis-sħab, idumu sejrin lejn l-iskola ħames sigħat u ħames sigħat oħra lura lejn id-dar. Ħafna drabi t-tfal jirkbu fuq ħmara lejn u lura mill-iskola.

F’Delhi l-Indja, tfal ġejjin minn familji li ma jifilħux iħallsu għall-edukazzjoni ta’ wliedhom, jattendu għal-lezzjonijiet taħt pont. Dawn il-lezzjonijiet jingħataw b’xejn minn għalliema voluntiera biex jagħtu ċans għal futur aħjar lil dawn it-tfal. Il-lezzjonijiet jinkludu l-Matematika, l-Ingliż u l-Induwiżmu. Fin-Nepal ix-xmajjar ma tantx tista’ teħdilhom kopja, għaliex il-livell tal-ilma jaf jogħla f’salt u taf idum ġimgħat sħaħ sa ma jerġa’ jitbaxxa.

Dan jagħmilha impossibbli għat-tfal biex jaqsmu bil-mixi min-naħa għall-oħra tax-xmajjar. Għalhekk, it-tfal m’għandhomx għażla oħra għajr li jaqsmu dawn ix-xmajjar billi jużaw it-‘tarpuls’. Dawn ikunu ħbula tal-azzar stirati min-naħa għall-oħra tax-xmara. It-tfal ipoġġu bilqiegħda fuq speċi ta’ bandli mdendlin individwalwent mal-ħbula b’taljola u b’idejhom jimxu minn tarf għall-ieħor. Dan il-mezz ta’ trasport jista’ jwassal għal feriti serji fl-idejn u saħansitra mewt.

Għal sitt familji li jgħixu f’Acacias il-Kolumbja, l-uniku mezz ta’ trasport lejn l-iskola huwa ħabel tal-azzar twil 800 metru li jaqsam minn fuq wied fond 230 metru. B’veloċità ta’ 90 kilometru fis-siegħa, it-tfal jaqsmu min-naħa għall-oħra fi tletin sekonda. Dan il-vjaġġ ta’ terrur jiffrankalhom mill-inqas sagħtejn mixi.

It-tfal imfarfrin jiżżerżqu mal-ħabel, li għandu mal-ħamsin sena, waħedhom billi jżommu b’idejhom ma’ taljola, filwaqt li tfal iżgħar jinġarru ġo xkora minn xi ħadd adult. Jekk allaħares qatt it-taljola taqa’ minn post, iċ-ċans hu li dak li jkun iweġġa’ serjament. Għat-tfal dan l-ispeċi ta’ ‘zip-line’ huwa mod ta’ trasport li jagħtihom gost, iżda għall-kbar dan il-vjaġġ iniżżlilhom imsarinhom f’saqajhom.

Missio Malta, grazzi għal diversi fondi muġbura milll-poplu Malti u Għawdxi, jaċċerta ruħu li tfal madwar id-dinja kollha li l-edukazzjoni hija diffiċli ferm għalihom, taslilhom l-għajnuna meħtieġa biex jirċievu edukazzjoni xierqa u jkollhom futur sabiħ lejn xiex iħarsu. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-websajt www.missio.org.mt jew iżur il-paġna ta’ Facebook Missio Malta. Grazzi mill-qalb.


Gwida.mt