Brooke tista' tgħid li kibret fix-xena lokali iżda s-suċċess aħħari tagħha ġie meta ħadet sehem fil-Malta Eurovision fis-sena 2016, 2017 u 2018. Hija kisbet it-tieni, ir-raba' u t-tielet post u baqħet dejjem tistinka biex twettaq il-ħolm tagħha.

Qabel daħlet fix-xena tal-Malta Eurovision, Brooke tista' tgħid li kienet għamel perjodu twil tiddomina x-xena tar-radju lokali u jidher li wasal iż-żmien għar-ritorn tagħha. Ritorn bil-kbir għax il-kanzunetta Over ġa qed tikseb suċċess.

Il-kantawtriċi lokali ilha nieqsa mix-xena għal dawn l-aħħar tliet snin, waqfa li użat sabiex tikber bħala artista, taħdem fuq materjal ġdid u tkompli taħdem fuq il-vjaġġ tagħha ta' artista. Il-kanzunetta Over hija proprju r-ritorn tal-kantanta f'din ix-xena.

Brooke tirritorna b'ħoss modern, frisk u nistgħu ngħidu wkoll kemxejn sajfi li jġiegħlek tiċċaqlaq bla ma trid. Il-kanzunetta ħarġet fit-3 ta' Ġunju u tul dawn l-aħħar ħmistax, irnexxielha titla' fin-numru 3 fil-BMAT PRS MALTA Airplay Charts. Suċċess mill-isbaħ.

Il-filmat mużikali ta' din il-kanzunetta ġie mniedi lbieraħ filgħaxija u grazzi għal Gwida.mt u t-tim ta' Brooke ħa tkunu tistgħu taraw filmati qosra ta' dak li ġara minn wara l-kwinti waqt il-ġbid tal-filmati mużikali tal-kanzunetta Over.

Aħna f'isem it-tim ta' Gwida.mt, nawguraw lil Brooke kull suċċess u nittamaw li nkomplu nisimgħu aktar u aktar mużika bil-vuċi tagħha. Awguri.


Emil Calleja Bayliss