Kantanta mir-Republika Ċeka infettat ruħha bil-Covid-19 apposta wara li qabad lil binha u żewġha. Dan kollu biex wara ġimagħtejn tfieq, u jkollha aċċess għall-istabbilimenti.

Hana Horka, ta’ 57 sena, ma kinitx imlaqqma u kienet ippubblikat fuq il-midja soċjali tagħha li kienet qed tirkupra wara li kienet ittestjata pożittiva, iżda spiċċat biex mietet jumejn wara. Binha, Jan Rek, qal li ġiet infettata apposta meta hu u missieru kellhom il-virus, sabiex tkun tista’ tikseb recovery pass  u taċċessa ċerti postijiet.

Ir-Repubblika Ċeka rrappurtat numru rekord ta’ każijiet illum. Rek u missieru, li t-tnejn huma mlaqqma għal kollox, it-tnejn qabadhom il-Covid-19 matul il-Milied. Iżda qal li ommu kienet iddeċidiet li ma toqgħodx 'il bogħod minnhom, u ppreferiet minflok li tesponi ruħha.

"Hija kellha iżolament għal ġimgħa għax ittestjajna pożittivi. Iżda kienet magħna l-ħin kollu," qal. Fir-Repubblika Ċeka hija meħtieġa prova ta’ tilqim jew infezzjoni u fejqan riċenti mill-virus biex wieħed jidħol f’ħafna postijiet bħal ċinema, bars u kafetteriji.


Kyle Zarb