Dalwaqt jibda t-tieni episdoju ta' Division 7. Fl-ewwel episodju ħallejna lil Samira tibki u maħsuda bil-qtil makabru tal-kunjata tagħha Julia. Aħna ta' Gwida.mt staqsejna lil Samira ftit mistoqsijiet. 

Tliftha. Żgur tliftha. M’għad baqali xejn.

Taħseb li titlifha t-tarbija?

Tliftha. Żgur tliftha. M’għad baqali xejn. Kollox tort ta’ Hassan bil-ħdura u l-pjanijiet kollha tiegħu. Imma x’tistenna? B’dak li għamilt jien, b’dak li għamilli hu u b’dak li rajt… X’ċans kellha din il-povra tarbija? Jiddispjaċini għall-mumenti li ma ridthiex. Ma ridthiex għax bżajt li kienet ser tfakkarni fih kull meta nħares lejn wiċċha, jew agħar minn hekk, bżajt li jeħodhieli. Imma dik it-tarbija kienet tiegħi, parti minni, l-aħħar raġġ ta’ dawl. U issa m’għandi xejn.

Washak induna li kont ħajja .. taħseb li jiġi biex joqtlok?

Ma nafx. Wara dak li rajt, kollox nistenna mingħandu u l-klikka kollha tiegħu. Għadni s’issa ma nafx kif ħallieni ħajja, u żball għamel, għax issa kollox ngħid lil Amir. Dak jaf x’għandu jagħmel u jpattihielom kollha kemm huma. Imbagħad naħrab minn dan il-post u minn dawn in-nies ta’ ħdura u krudelta’ li qatt ma rajt bħalha darba għal dejjem.

Kif se jeħodha l-aħbar Hassan issa li tlift it-tarbija? Qed tibża?

Ħa jirrabja, lanqas għandi l-iċken dubju. Lanqas li ma nafux. Imma le, minix qed nibża’. Xbajt nibża’ minnu. Xbajt inbaxxi rasi u nagħmel li jgħid hu. Hu l-beżżiegħ li dejjem jinqeda b’ħaddiehor biex jwettaq il-pjanijiet ta’ moħħu. Imma issa tasal tiegħu. Kollox ngħid lil Amir. Li naf hu, li ma nistax nibqa’ hemm ġew miegħu. Xi darba kont inħobbu, sakemm sirt naf kemm hu kattiv. Imma biex wasal joqtol lil ommu, vera bniedem bla qalb.

Kif tiddeskrivi x-xena li rajt?

Kull meta ngħalaq għajnejja naraha. Kif jista’ xi ħadd jasal biex jagħmel hekk? Lanqas għandi kliem biex niddeskrievi x’ħassejt. Ma kontx naf x’ser naqbad nagħmel. Għadni s’issa nismagħha tiġġieled għal ħajjitha, u jien hemm, ma nista’ nagħmel xejn. Ma stajtx niċċaqlaq bil-biża’ u l-ħsieb li warajha kien imiss lili kieku sabni f’sensija. Immaġinajt l-agħar, imma x’ħin rajtha, kienet agħar minn hekk. Kif nista’ qatt ninsa dak li rajt?

Tixtieq li nintervistaw lil karattru partikolari? Ibgħatilna messaġġ privat bil-mistoqsijiet u aħna nagħmlu mezz li nagħmlu dan!


Anthony Baldacchino