Ilbieraħ tnediet petizzjoni biex jitwaqqfu milli jinbnew blokka appartamenti quddiem il-Ġgantija fix-Xagħra, Għawdex. Il-petizzjoni titlob lill-Planning Authority biex jirrevokaw il-permess ta’ dawn l-ammartamenti metri ‘l bogħod mit-tempji, li ġew approvati fid-9 ta’ Novembru. Il-proġett jikkonsisti minn 22 flett u 20 garaxx taħt l-art.
It-tempji tal-Ġgantija għandhom storja twila warajhom, mibnijin iktar minn 5000 sena ilu: 1000 sena qabel il-piramidi tal-Eġittu. Fost il-meravilja ta’ kif inbnew dawn it-tempji bi ftit li xejn apparat insibu t-tpinġija ta’ mal-ħajt li tagħtina ħjiel ta’ kif kienu jgħixu ħajjithom in-nies ta’ dak iż-żmien, u l-fdalijiet tal-annimali li nstabu.