Il-Eurovision Song Contest jinsab madwar erba' xhur 'il bogħod iżda għadna ma smajna xejn dwar il-kanzunetta Maltija li Destiny ħa tkun qed tkanta f'dan il-konkors. Wieħed forsi jsaqsi dwar il-fatt li taf jiġri bħas-sena l-oħra, iżda l-EBU għandhom diversi pjanijiet li jistgħu jidħlu fis-seħħ.

Wieħed minnhom hu li jekk is-sitwazzjoni ma tkunx tajba madwar l-Ewropa, il-pajjiżi jistgħu jibagħtu filmat tal-wirja tagħhom biex jixxandar dakinhar tal-Eurovision u b'hekk il-festival isir xorta waħda. Format li bih sar il-Junior Eurovision Song Contest tal-2020 fejn Malta kienet irrappreżentata miċ-ċkejkna Chanel Monseigneur bil-kanzunetta Chasing Sunsets.

Dawk kollha li jsegwu lil Destiny fuq il-mezzi soċjali, partikolarment fuq instagram irrealizzaw li tul dan l-aħħar xahar il-kantanta kienet dieħla u ħierġa fi studios differenti madwar Malta. Rajnieha fl-istudio ta' Cyprian Cassar, rajnieha fl-istudio ta' Peter Borg, rajnieha fl-istudio ta' Howard flimkien ma' Ira... u oħrajn. Li nafu hu li l-kantanta kienet għaddejja taħdem ġmielha.

Il-kanzunetti riedu jiġu sottometti sa ftit jiem qabel il-Milied u issa li għadda xahar minn meta l-kompożituri u l-awturi kellhom il-famuż deadline biex jibagħtu l-kanzunetta għal Destiny, il-mistoqsija tiġi weħidha... meta għandna nistennew xi ħaġa mingħand il-kantanta? Tul l-aħħar jiem, kemm Destiny u kemm Gordon Bonello dehru li jinsabu jaħdmu fuq xi proġett.

Mir-ritratti li tellgħu fuq l-istories ta' instagram ma tantx tawna ħjiel iżda qajmu ħafna ħafna kurżità fost il-fanatiċi tal-Eurovision Song Contest. Ħafna pajjiżi barranin bdew bis-selezzjoni tagħhom, filwaqt li oħrajn bdew iħabbru x'ħa jkun qed jiġri. Aħna nafu biss li Destiny ħa tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżna.

Forsi min jaf, wara żmien twil kwieta dan l-aħħar ħarġu ritratti ġodda minn photoshoot li għamlet il-kantanta. Forsi din xi tip ta' indikazzjoni ta' aktar affarijiet li għandna nistennew fil-jiem u ġimgħat li ġejjin. Għalissa nibqgħu ngawdu mill-kanzunetta All of my Love li kellha ttajjar il-bandiera Maltija fl-Olanda fl-2020 qabel il-virus waqqaf il-famuż festival għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu.


Emil Calleja Bayliss