Tista’ tgħid li dak kollu li artist Malti jista’ jagħmel, Ira Losco għamiltu. Ħarġet materjal oriġinali f’singles u albums, ħarġet ktieb bir-ritratti, kantat ma’ artisti famużi, kellha kunċerti lokali u oħrajn barra mill-pajjiż, marret il-Eurovision Song Contest darba darbtejn u issa tinsab ukoll fuq il-ġurija ta’ X Factor.

Xi ħaġa li qatt ma rajna mingħand Losco dawn l-aħħar snin kienet kanzunetta oriġinali bil-Malti. Probabbli mir-rebħ tal-Konkors Indipendenza fl-2001, qatt ma smajna xi ħaġa ġdida bil-Malti minn waħda mill-akbar artisti lokali u ngħidu kif inhi, hi kemxejn ħasra. Il-lingwa tagħna sabiħa mmens u meta Ira kantat bil-Malti, ħarġet bl-unuri wkoll.

Ritratt: Instagram / Ira Losco

Iżda hemm ċans li dan kollu jinbidel. Waħda mill-mistoqsijiet li saret lil Ira Losco mis-segwaċi tagħha fuq il-midja soċjali ħallietna nistennew xi ħaġa mill-artista b’ħerqa kbira. Lil Ira saqsewha jekk tikkunsidrax tikteb materjal oriġinali bil-Malti, u r-risposta tagħha kienet ċara. Iva, ħerqana ħafna li nagħmel dan.

Min jaf jekk fix-xhur li ġejjin hux ħa jkollna ċans nisimgħu xi ħaġa li qatt ma smajna qabel mingħand Ira Losco. Sa fejn nafu aħna ta’ Gwida.mt, qatt ma kitbet materjal oriġinali tagħha bil-Malti Ira, imma ma jfissirx li dan ma jistax ikun possibli. Nistennew u naraw.

Facebook / Ira Losco


Emil Calleja Bayliss