Fl-1995, meta kellu biss tnax-il sena, Craig Kielburger fetaħ l-għaqda ‘Free the Children’ li llum hija magħrufa bħala ‘WE Charity’. Kollox beda wara li Craig qara titlu ta’ artiklu fuq gazzetta Kanadiża. L-aħbar kienet dwar tifel tamparu li kien inqatel. It-tifel, Iqbal Masih, Pakistani ta’ tnax-il sena, kien ilu jaħdem f’fabbrika tat-twapet minn meta kellu bejn ħames u sitt snin.
Kien jaħdem minn filgħodu kmieni sa tard filgħaxija f’kundizzjonijiet tassew ħżiena. Iqbal kien jiġbor tfal, li bħalu kienu jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena, u jħeġġiġhom isibu l-kuraġġ biex jitilqu minn fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom meta jkunu qegħdin jiġu ttrattati ħażin. Kien minħabba f’hekk li Iqbal Masih safa maqtul fl-1995.

Craig għamel riċerka dwar l-isfruttar tat-tfal fuq il-postijiet tax-xogħol u wera x-xewqa lill-għalliema tiegħu sabiex titkellem fuq dan is-suġġett fil-klassi. Kienu ħafna l-istudenti li wrew interess u offrew l-għajnuna tagħhom lil Craig. Flimkien ma’ xi wħud minn sħabu tal-klassi, Craig waqqaf il-kampanja ‘Kids Can Free the Children’.
Fl-ewwel inizjattiva tagħhom, it-tfal ġabru iktar minn 3,000 firma li ġew ippreżentati lill-Prim Ministru tal-Indja sabiex jinħeles mill-ħabs l-attivist Kailash Satyarthi. F’Diċembru tal-1995, Craig ivvjaġġa lejn l-Asja flimkien ma’ ħabib tal-familja sabiex ikompli jaħdem kontra l-isfruttar tat-tfal fuq il-postijiet tax-xogħol.
Craig jirrakkonta l-esperjenzi li għadda minnhom matul dan il-vjaġġ fil-ktieb tiegħu ‘Free the Children’ u fid-dokumentarju ta’ Judy Jackson ‘It Takes a Child’. Huwa rnexxielu ltaqa’ mal-Prim Ministru Kanadiż fejn waqt laqgħa ta’ ħmistax-il minuta biss talbu u rnexxielu jikkonvinċih sabiex ipoġġi fuq quddiem nett tal-aġenda tal-pajjiż il-ġlieda kontra l-isfruttar tat-tfal fuq il-postijiet tax-xogħol.

Fl-2004, flimkien ma’ ħuh Marc, Craig ippubblika l-ktieb ‘Finding Meaning in a Material World’. Fil-ktieb l-aħwa ifissru l-prinċipji tal-filosofija ‘ME to WE’ u l-importanza li wieħed jagħti servizz lill-komunità sabiex iwitti t-triq għall-kuntentizza. Wara li mexxew b’suċċess il-programm ‘Leaders Today’, programm ta’ taħriġ immirat għaż-żgħażagħ u l-voluntiera li jduru d-dinja jagħmlu l-karità, fl-2008 is-subien stabbilixxew l-intrapriża ‘ME to WE’ li toffri prodotti li joħolqu kuxjenza soċjali, tmexxi diversi programmi ta’ taħriġ u torganizza vjaġġi lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħall-Ekwador, l-Indja u l-Kenja.
Parti mill-profitti ta’ ‘ME to WE’ jingħataw lill-organizzazzjoni ‘WE Charity’, biex tkun tista’ tkompli tmexxi programmi soċjali f’diversi pajjiżi li jiffukaw fuq l-edukazzjoni, l-ilma, is-saħħa, l-ikel u l-opportunitajiet ekonomiċi. L-organizzazzjoni tmexxi wkoll programmi għaż-żgħażagħ fil-Kanada, fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit. ‘WE Villages’ u ‘WE Day’ huma tnejn mill-ħafna avvenimenti li torganizza din l-organizzazzjoni li waslu biex għenu ’l fuq minn miljun persuna fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina joħorgu mill-problema tal-faqar, Filwaqt li pprovdew programmi ta’ tagħlim lill-aktar minn għaxart elef skola.

Craig bena ’l fuq minn ħames mitt skola għal aktar minn ħamsin elf student f’21 pajjiż bil-għan li jgħallem liż-żgħażagħ u lit-tfal kif għandhom jgħinu lil żgħażagħ u tfal oħra bħalhom, filwaqt li jxerred messaġġi pożittivi favur id-drittijiet tat-tfal. Craig irċieva l-unur ‘The World’s Children’s Prize’ fl-2006 għall-ħidma tiegħu bla waqfien sabiex jeħles lit-tfal mill-faqar, mill-abbuż fuq il-postijiet tax-xogħol u minn kull tip ta’ abbuż ieħor u vjolenza.
Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin tfal f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Dan billi jinbnewlhom l-iskejjel, jinxtrawlhom il-kotba u materjal ieħor tal-iskola, filwaqt li joffrilhom saqaf fuq rashom, ikel, ilma nadif, ħwejjeġ u edukazzjoni.
Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn Facebook jew fuq 2123 6962.