B’idejhom maħmuġin u b’riħa tinten fuqhom, ħafna tfal Indoneżjani fl-età tenera ta’ 10 snin, qed jiġu sfurzati jaħdmu fl-għelieqi. Diġà huwa illegali li tfal jaħdmu, iżda dawn it-tfal mhux qed jikkultivaw ir-ross jew xi prodotti tal-ikel, imma tabakk. It-tfal qed isofru minn ħakk ma’ ġisimhom kollu u sogħla kontinwa, minħabba t-tul ta’ ħin li jgħaddu fl-għelieqi jsaqqu u jaħsdu l-weraq tax-xtieli tat-tabakk.

Skont rapporti ġodda mill-‘Human Rights Watch’, il-maġġoranza tat-tabakk li qed jitpejjep huwa kollu frott ta’ ‘child labour’. It-tfal qed jispiċċaw jimirdu wkoll minħabba l-kuntatt dirett li jkollhom mal-pestiċidi qawwijin li jintużaw fl-għelieqi tat-tabakk u li ħafna drabi jħalltuhom huma stess. In-nikotina velenuża li qed ixommu qed taffettwalhom l-iżvilupp mentali. Eluf ta’ tfal qed ikollhom jaħdmu illegalment fl-għelieqi wara l-iskola. B’xorti ħażina meta jinxtara t-tabakk mis-suq, ħadd ma joqgħod ifittex jew jagħti kas minn fejn ikun ġej u min ikun kabbru, ħa ħsiebu u ħasdu. Ħadd ma jistaqsi mistoqsijiet.
Ta’ min jgħid li madwar 46 miljun ruħ, fosthom miljuni ta’ tfal, qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ skjavitù modern. Din il-figura, li ġiet imħabbra mill-Fondazzjoni Awstraljana ‘Walk Free’, tinvolvi 167 pajjiż, bl-Indja tinsab fuq nett tal-lista. Dan il-fenomenu jinkludi traffikar ta’ nies, xogħol sfurzat, sfruttar sesswali u żwieġ sfurzat jew f’età żgħira. 18-il miljun ruħ, li jinsabu f’dawn il-kundizzjonijiet jgħixu l-Indja, 3 miljuni fiċ-Ċina, 2 miljuni fil-Pakistan, miljun u nofs fil-Bangladexx u miljun fl-Użbekistan. Fl-Indja l-maġġoranza tan-nies involuti jaħdmu fid-djar jew huma tallaba, prostituti jew tfal suldati. Hemm ukoll dawk li jiġu sfurzati jaħdmu biex iħallsu d-dejn li għandhom. Il-Fondazzjoni ‘Walk Free’, li ppreżentat il-Werrej Annwali tal-Iskjavitù, uriet żieda ta’ 10 miljun ruħ imqabbla mas-sena l-oħra. Żieda ta’ 28%, li huma kkunsidrati skjavi moderni.

Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin tfal u adulti f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.