L-istorja ta' Isaac u Lorenzo hi żgur waħda ta' qsim il-qalb, it-tewmin li twieldu f'Malta f'Ġunju tal-2004 tilfu lil għażiża ommhom April li għadda. Missier it-tewmin hu Taljan u jgħix ġewwa l-Italja u huma għandhom oħthom iżgħar, li missierha hu Malti.

Fit-12 ta' April, Bianca tilfet il-battalja tagħha ta’ sentejn bil-kanċer. Hi kienet imdawrha biss bi wliedha filwaqt li l-funeral tagħha kien ristrett għal ftit biss minħabba s-sitwazzjoni preżenti. Fi żmien tliet ġimgħat, ġiet nieqsa wkoll in-nanna ta' dawn it-tfal. It-tewmin spiċċaw mifrudin, wieħed jgħix ma' nannuh u l-ieħor jgħix ma' zitu li anke hi għandhom l-problemi ta' saħħa tagħha minħabba immunità baxxa.

Iz-zijiet tagħhom Maria u Simon bħalissa għaddejin mill-proċess sabiex ikunu jistgħu jiffosterjaw lit-tewmin. Iz-Zija tagħhom Maria flimkien mar-raġel tagħha pjanaw li jmorru l-Awstralja sabiex iżuru lill-bużnanna tagħhom f'Novembru li ġej iżda minħabba l-pandemija hemm ċans li jkollhom imexxu din il-btala għas-sena d-dieħla.

Ritratt: GoFundMe

Huma verament jixtiequ li jieħdu lit-tewmin magħhom sabiex ikollhom esperjenza mill-isbaħ u jkollhom ċans li jaraw il-bużnanna tagħhom, li ħa tagħlaq 100 sena. Huma jgħidu, "Nixtiequ niġbru biżżejjed flus għat-tfal ta' Bianca biex jingħaqdu magħna f'din il-vaganza. Wara l-uġigħ ta’ qalb li dawn it-tfal ġarrbu tassew jistħoqqilhom vaganza biex iżuru l-pajjiż li twieldet fih ommhom u jifhmu kemm huma maħbubin fiż-żewġ pajjiżi."

Il-messaġġ tagħhom fuq Go Fund Me hu ċar, "Jekk ikollna xorti tajba biżżejjed li niġbru aktar mill-mira tagħna, il-fondi se jitpoġġew f'kont għat-tfal biex jgħinu l-bżonnijiet tagħhom ta' kuljum."

Wieħed jista' jidħol HAWN sabiex jagħmel id-donazzjoni tiegħu u jgħin lil din il-familja.

Ritratt: GoFundMe


Emil Calleja Bayliss