L-internet mifqugħ bi stejjer li b’xi mod jew ieħor jispiċċaw jgħaġġbu ‘l kulħadd, ikunu kemm ikunu sempliċi jew ċkejknin. U f’din l-epoka teħodhiex bi kbira jekk ittella’ xi ħaġa bla ma taħsibha darbtejn, u l-ġurnata ta’ wara tkun leħqet ratha kważi miljun persuna! Hekk għadu kif ġara lil dan l-individwu ftit jiem ilu, li tella’ storja dwar kif spiċċa jrabbi l-kelba ta’ xi ħadd li ma jafx:
Twitter / @nicksonr_
F’din il-ġrajja, il-moħħ wara dan il-kont xerred konverżazzjoni li kellu man-“number neighbour” tiegħu, jiġifieri l-individwu li jkollu l-istess numru tal-mobile bħalek, iżda l-aħħar ċifru tan-numru jkun wieħed aktar ‘il fuq minn tiegħek. Din il-persuna, li lanqas jaf minn Adam, tistqarr li għandha bżonn issib lil xi ħadd jieħu ħsieb il-kelba peress li dalwaqt se tittrasloka u ma tistax teħodha magħha – allura x’jagħmel? Joffri li jrabbiha hu, jiltaqgħu, u jeħodha miegħu d-dar!
Ħelwa kemm hi ħelwa l-istorja, la qegħdin hawn aħjar ma nżommukomx b’nofs l-aħbar biss: ħafna jissuspettaw li din l-istorja falza għalkollox. Dan għaliex f’ċerti posts oħrajn tal-istess utent jidhru ritratti ma’ kelba li tidher eżattament bħal din tal-istorja, allura ħafna qed jisħqu li l-addozzjoni aktarx ma seħħitx verament. Jekk dan huwa l-każ, vera ħasra kieku... però xorta diffiċli ma tiggustahiex din il-kelba ħlejja!
X’taħsbu intom? Veru seħħet din, jew kollha ċajta?
Twitter / @nicksonr_