Fil-jiem li ġejjin, proprju fl-10, 11 u 12 ta' Frar, it-Teatru Manoel ħa jkun qed itella' l-kummiedja Boeing Boeing – Moħħok Hemm Għax Dieħel… l-Ajruplan. Kummiedja famuża mmens minn kittieb Franċiż li ġiet tradotta għall-Ingliż u anke ġiet tradotta bil-Malti 30 sena ilu!

It-Teatru Manoel spiċċa fuq fomm kulħadd minħabba l-fatt li t-traduzzjoni ta' din il-kummiedja saret proprju minn Mario Micallef u John Suda. Fid-dawl ta' din l-aħbar l-attriċi Mandy Randon, li ġiet attakkata sesswalment minn Suda, ikkritikat it-Teatru Manoel għad-deċiżjoni tagħhom.

Hi kitbet, "Seba’ snin wara, għadu jiġri barra. Xorta ħadd ma jifhem, xorta n-nies jsibu skużi, xorta n-nies jappoġġjawh," qalet Randon. Hi żżid, "Seba’ snin wara u għadni nbati mill-marki, ġismi għadu jiffriża u jitkexkex meta jara ismu," stqarret Randon wara li ħarġet l-aħbar li dan ix-xogħol se jittella' fil-Manoel.

Iżda t-Teatru Manoel ħarġu stqarrija biex jagħmlu l-affarijiet ċari, "It-Teatru Manoel jagħmel referenza għal numru ta’ posts fuq il-midja soċjali li jirreferu għall-koproduzzjoni ta’ Talenti u Teatru Manoel 'Boeing Boeing – Moħħok Hemm Għax Dieħel... l-Ajruplan' u l-allegat rwol ta’ John Suda f’din il-koproduzzjoni."

Huma jispjegaw, "Bħala informazzjoni, l-iskript oriġinarjament inkiteb mid-drammaturgu Franċiż Marc Camoletti u tradott għall-Ingliż minn Beverley Cross, u ġie adattat u tradott għall-Malti minn Mario Micallef u John Suda 30 sena ilu. John Suda ma kellu l-ebda relazzjoni mal-iskript minn dakinhar."

Huma jżidu, "Teatru Manoel jikkonferma wkoll li John Suda m’għandu l-ebda involviment fil-koproduzzjoni u assolutament mhu se jirċievi ebda kumpens mingħand Teatru Manoel jew Talenti."

Facebook / John Suda


Gwida.mt