Teatru Malta għadhom kemm ippubblikaw l-ewwel aġġornament uffiċjali tagħhom wara l-pandemija Covid-19. Issoltu bħal dawn iż-żminijiet ikunu għaddejjin minn produzzjoni għall-oħra imma bħal kulħadd kellhom iwaqqfu kollox għax emmnu li s-saħħa tal-atturi u l-udjenzi tagħhom hi prijorità.

“Mhix xi ħaġa li mdorrijin nagħmlu” qal id-Direttur Artistiku Sean Buhagiar, “Fil-fatt, li nkunu kawti għandha tifsira suġġettiva hawnhekk. L-etos tagħna jibqa’. Teatru Malta jieħu r-riskji, u ma nħossx li qed inkunu kawti b’dak li għandna mħejji, f'termini ta' kontenut artistiku.”

Ħassew li hemm bżonn li jħarsu l-fondi pubbliċi u l-iskedi tal-artisti wkoll u b'hekk ħolqu proġetti li jistgħu jsiru kemm jekk il-pandemija tippersisti u kemm jekk le, biex b’hekk jipprovdu naqra ċertezza tant meħtieġa fi żmien fejn donnu xejn mhu ċert.

Ifhem tul il-pandemija, il-ħidma għalihom kienet għaddejja b'għadd ta’ inizjattivi bħal TeleTeatru, Kwarta Kwarantina, Bezzjoni u Theatre Depozit. L-aħħar waħda waslet biex 24 artist applikat ibbenefikaw minn fond ta' emerġenza minħabba l-pandemija u wasslu għal 4 produzzjonijiet li għandna ngawdu fis-snin li ġejjin.

Dan issarraf f'xogħol għal aktar minn 110 artisti u membri tal-krù fl-industrija, b’total ta’ 20% tal-baġit annwali tagħhom iddedikat għall-produzzjonijiet investiti f’din l-inizjattiva. “Iffokajna fuq il-bżonn li nappoġġjaw lill-artisti f’dan iż-żmien ta’ bżonn filwaqt li bqajna leali għan-natura tagħna li l-produzzjonijiet jiġu l-ewwel."

Il-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru dawret ħarsitha lejn l-artisti waqt dawn iż-żminijiet inċerti għas-setturi tal-arti u l-kultura u issa tinsab kuntenta bl-ipproggrammar tal-bqija tal-2020, bir-ritorn f’Awwissu li ġej, tal-ispettaklu pop-up - Xilallu - fil-Belt Valletta, f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u Studio 18.

F’Novembru se ssir kollaborazzjoni eċċitanti mal-Festival ta’ ŻiguŻajg fil-forma ta’ produzzjoni innovattiva li tinvolvi Teatru DIY, Alice fl-Art bla Meravilji, traduzzjoni għall-Malti ta’ dramm tal-kittieba leġġendarja Taljana Franca Rame.

F’Diċembru se naraw ir-ritorn tas-serje għażiża Pantomima fid-Dlam, f’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Il-panto bit-titlu Ġulbiena se tixxandar għall-udjenza fuq ir-radju, u dan ifisser li l-pandomima ta’ din is-sena se tkun l-ewwel dramm radjofoniku fl-istorja ta’ Teatru Malta!

Dan mhux kollox tafux! Fadal ħafna x’joħroġ minn Teatru Malta. Jekk qabbaduk xi ftit tal-kurżità żur is-sit tagħhom HAWN għal aktar informazzjoni, jew inkella ċempel fuq 21220255 jew segwihom fuq Facebook HAWN għall-aħħar aġġornamenti dwar il-Kumpanija Nazzjonali tat-Teatru tagħna.

Għal aktar dettalji wieħed jista' jidħol HAWN u jsib il-programm sħiħ!


Gwida.mt