Forsi taħsbu, imma x’jiekol il-President ta’ Malta George Vella, u kif jiddeċiedi xi jsajrulu?! Ix-Chef Mark Schembri mill-Palazz ta’ San Anton qalilna li l-Eċċellenza Tiegħu l-President George Vella jiekol minn kollox, speċjalment iħobb il-ħut u l-għaġin, imma jħobb ħafna wkoll il-minestra u l-brodu. Fi kliem Mark, il-President ta’ Malta jħobb ħafna l-ikel li jissajjar fil-kċejjen Maltin; ikel bnin u tradizzjonali.

"Il-kċina taħdem skont il-funzjonijiet li jkunu ppjanati għal matul il-ġurnata, m’hemmx rutina. Kultant trid tipprepara għal ikliet statli, viżti minn Presidenti jew dinjitarji ta’ pajjiżi oħra u okkażjonijiet diversi", qalilna x-Chef.

Ix-Chef li jieħu ħsieb iżoqq lill-President huwa Mark Schembri; Chef żagħżugħ, dħuli u ferrieħi, li ilu joħloq ikel appetituż u varjat fil-kċina tal-Palazz għal dawn l-aħħar 10 snin... Sinjal li jaf iħawwar il-borma sew! Minn taħt idejh kielet ukoll ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni.

Ta’ kull sena x-Chef jagħti sehemu b’riċetti oriġinali tiegħu fil-ktieb ‘Tisjir Mill-Qalb’. Tkellimna miegħu u qalilna hekk: “Din is-sena sar f'format differenti, għax kelli nipprepara żewġ menus, b'4 riċetti kull wieħed u kellna nsajru ikel bi prodotti Maltin. Kull sena tkun sfida interessanti biex invarja r-riċetti u fl-istess waqt nagħmilhom ħfief biex min jixtri l-ktieb ikun jista' jippruvahom u jsajjarhom id-dar.”

Awguri Mark u aħna ta’ Gwida nħeġġukom ukoll tixtru kopja tal-ktieb ‘Tisjir Mill-Qalb’ biex taraw u tippruvaw xi riċetta minn tax-Chef tal-President intom stess mill-kumdità ta’ djarkom u fl-istess ħin tkunu qed tgħinu l-Istrina 2019.


Clifford Galea