Is-Sibt li għadda, il-programm Umani kien dwar Jean Paul Attard. Meta kien għadu żgħir, ommu u misseru rabbewh sew u tawh l-aħjar li setgħu. Iżda hu kien weġġa’ ħafna għax kellu jgħaddi mit-trawma li jara lil missieru jbagħti minn dippressjoni kronika.

JP
Ritratt: Facebook/Jean Paul Attard

Hu u jikber, Jean Paul ħadha wisq bi kbira u ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Spiċċa jmiss mad-drogi għax ried jaħrab mill-problemi li kellu. Iżda hu jgħid li “fl-aħħar mill-aħħar tant jinqalgħu problemi mid-drogi li lanqas ikollok fejn taħrab iżjed.”

Missieru baqa’ ma fieqx u sfortunatament oħtu spiċċat għamiet. Jean Paul baqa’ jkompli jirribella u spiċċa involut mal-pulizija u f’każijiet il-qorti.

JP
Ritratt: Facebook/Jean Paul Attard

Iżda meta miet missieru, kien hemm in-nuqqas ta’ preżenza maskili fil-familja. Jean Paul ħass ir-responsabbiltà li jieħu dak l-irwol.

Illum il-ġurnata, Jean Paul għandu l-business tiegħu u għandu familja bi tlett itfal. Hu waqaf mid-droga kompletament. Il-mara tiegħu Maria Attard tgħid li hu bniedem determinat u li bis-saħħa tiegħu hi sabet il-kuraġġ biex ma taqtax qalbha mill-ħajja.

JP
Ritratt: Facebook/Jean Paul Attard

Huwa importanti li ngħatu kas l-emozzjonijiet u l-weġgħat ta’ kull min jispiċċa jmiss mad-droga. Jekk ntuhom bis-sieq lil dawn in-nies, is-sitwazzjoni tagħhom mhux se titjieb żgur u nkunu qed noħolqu aktar negattività. Fl-aħħar mill-aħħar, huma nies b’qalb tħabbat bħalna. Kull ma jkunu jridu ftit kuraġġ u lil xi ħadd min jgħinhom.

Facebook/Jean Paul Attard 


Nicole Barbara