Is-suġġett li jispikka bħalissa kuljum huwa l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-Covid-19 kif ukoll tal-vaċċinazzjoni. Qed nisimgħu kuljum ukoll dwar miżuri u restrizzjonijiet ġodda f'pajjiżna u madwar id-dinja b'mod ġenerali.

Omm ta' żewġt itfal, għadha kemm żvelat deċiżjoni li ħadet f'saħna tal-mument wara li binha staqsiha jekk hux veru li l-awtoritajiet se jimplimentaw il-liġi li titpoġġa ċippa ġo ġisimna apparti l-vaċċinazzjoni. L-omm bdiet tistaqsieh minn fejn ivvinta dak li qal, u pront qabad il-mowbajl u wriha kumment li qrat fuq Facebook. Il-persuna li kkummentat fil-fatt qalet dwar din iċ-ċippa u li ma ndumux ma niġu mqabbda naċċettaw dik ukoll bilfors.  

Dak il-ħin l-omm telgħulha nervi kbar, qabdet il-mowbajl li kellu binha f'idejh u li kien hemm fid-dar, u litteralment wadbithom fil-kexxun. Għalqet u ħbiet il-mowbajls kollha fid-dar, il-laptop, kif ukoll qalgħet il-linja tat-telefon kif ukoll it-televiżjoni u r-radji. Lil tad-dar qaltilhom li xebgħet għall-aħħar tisma' x'jgħid dak u x'tgħid l-oħra dwar il-pandemija u l-vaċċinazzjoni, u ma trid tisma' xejn aktar.

Dan kollu ġara f'Diċembru li għadda, u jidher li waslet f'punt fejn kellha terġa' tibda tuża l-apparat li mingħaliha riedet taqta' minn ħajjitha. Madanakollu lil binha u lill-oħrajn widbithom biex ma jkellmuhiex iżjed dwar Covid-19 u dak kollu relatat magħha, għax ma tridx taf. Bi ħsiebha wkoll li kull min jaqbdilha dan is-suġġett, taqtalu minnufih, u tavżah li jekk se jitkellem fuq dan is-suġġett, titlaq l'hemm.

Ħafna nies qablu magħha li hawn wisq affarijiet fuq il-midja u l-midja soċjali dwar il-pandemija, u li xebgħu jaraw u jisimgħu. Hawn min ukoll qed isostni li n-numru ta' każijiet m'għandhomx jibqgħu jitħabbru.


Kyle Zarb