Malta magħrufa għal ħafna affarijiet, imma ngħiduha bid-dritt: ma tantx nistgħu naffirmaw li l-eżerċizzju regolari wieħed minnhom. Xorta waħda jaf insibu ġawhra fost l-oħrajn, fejn ċerti individwi jirnexxilhom imorru lil hinn minn dan il-ħsieb... u kemm ikun aktar ammirabbli meta dan l-individwu partikolari jkollu 64 sena!

F’diskorsata li kellu ma’ The People of Malta, Salvu – jisħaq kif mhux biss jagħmel l-almu tiegħu sabiex jitħarreġ tliet darbiet fil-ġimgħa, iżda li saħansitra jirnexxielu jqatta’ bejn tlieta u erba’ sigħat eżerċizzju kull żjara tiegħu l-gym. Jistqarr ukoll kif l-għaxqa tiegħu jsibha permezz tat-taħriġ, tant li jippreferi jmur il-gym milli jqatta’ xi serata l-każin.

Mhux hekk biss – Salvu saħansitra ilu għaddej dan il-mod mindu kellu 23!

Weights

Flickr / Elaine Smith

“Is-saħħa napprezzaha u jekk nibqa’ b’saħħti nibqa’ nitħarreġ. Bniedem li ma jagħmel xejn jispiċċa jintefa’ jiekol u jonfoħ biex jitla’ t-taraġ. It-training ma hawnx isbaħ minnu.” – Salvu, lil The People of Malta.

Salvu jisħaq ukoll fuq l-importanza li dejjem joqgħod attent x’jiekol u saħansitra spiċċa ffissat fuq dan l-istil ta’ ħajja. Jirrakkonta wkoll kif għalkemm darba minnhom waqa’ waqgħa għolja sular, xorta baqa’ jagħmel ħiltu jeżerċizzja kemm jiflaħ u fejn seta’.

Diffiċli ma tapprezzax għemil Salvu: mhux biss qiegħed isegwi stil ta’ ħajja san u attiv u jħajjarna nagħmlu l-istess, imma wara kollox, huma individwi bħal dawn li jegħblu l-isterjotipi u jmorru lil hinn mill-preġudizzji li trawwem is-soċjetà.

Flickr / Joel Suplido;  Facebook / The People of Malta


Kurt Gabriel Meli