Fl-aħħar ġimgħat spikka fuq fomm ħafna nies it-tieġ ta’ Sue Rossi u Frankie Grima, tnejn magħrufa sew fil-qasam tal-ispettaklu, għalkemm ġejjin minn oqsma differenti. Ftit jiem wara t-tieġ, Sue u Frankie tkellmu magħna.
Kelmtejn ma’ Sue
Sue, kif iltqajt ma’ Frankie? X’kienu l-ewwel karatteristiċi li laqtuk fih?
Jien u Frankie mmorru lura 28 sena meta hu kien fetaħ wieħed mill-istabbilimenti u kien avviċinani biex inkun parti mill-organizzazzjoni tas-serata tal-ftuħ. Xtaqni wkoll norganizza sfilata tal-moda fl-istess serata. Dik kienet l-ewwel darba li ltqajna.
Ftit wara konna bdejna noħorġu flimkien għal ftit xhur. Għalkemm imbagħad ma bqajniex, però dejjem bqajna b’kuntatt tajjeb u spiss konna qed naħdmu flimkien. Imbagħad, ovvjament, dawn l-aħħar seba’ snin bdejna mill-ġdid bir-relazzjoni u din id-darba ħadnieha b’serjetà li ovvjament wasslitna biex nieħdu l-pass u nikkommetu lejn xulxin bis-sagrament taż-żwieġ.
It-tnejn li intom ġejjin minn oqsma differenti. Madanakollu kif tappoġġjaw lil xulxin fix-xogħol rispettiv tagħkom?
Iva, ix-xogħol tagħna huwa differenti għal kollox. Għalkemm it-tnejn li aħna naħdmu fl-entertainment, jien naħdem fil-qasam tal-moda waqt li Frankie jaħdem fil-qasam tal-istabbilimenti. Però mmorru tajjeb ħafna flimkien. Jien nista’ ngħid li nieħu ħsieb li nippromovi x-xogħol tiegħu fejn jidħol marketing u nitkellmu ħafna dwar pjani ġodda. Fl-istess hu jaqsam miegħi ħsibijiet, opinjonijiet u pjani li għandhom x’jaqsmu max- xogħol tiegħi. B’hekk nikkumplimentaw lil xulxin.
Kif kienet l-ewwel reazzjoni ta’ wliedek Valentina u Dean ftit tas-snin ilu meta bdejt toħroġ ma’ Frank?
Valentina hija persuna li tħobb tarani kuntenta. Nista’ ngħid li Frank jadurahom, kemm lil Valentina kif ukoll lil Dean. Ir-relazzjoni bejni u bejn Frank hi b’saħħitha ħafna, u apparti r-relazzjoni maż-żewġ uliedi, għandna relazzjoni mill-aqwa mat-tifel ta’ Frankie li llum jgħix barra minn Malta.
It-tieġ kellu xi tifsira partikolari biex jiġi ċċelebrat fl-28 ta’ April? L-istess għall-knisja tal-Karmnu fil-Belt Valletta, kien hemm xi raġuni partikolari li żżewwiġtu fiha?
Frankie huwa wieħed li hu devot ħafna lejn il-Madonna. Infatti aħna noqogħdu tista’ tgħid bieb ma’ bieb mal-knisja tal-Karmnu fil-Belt. Hija knisja li ġibditna ħafna lejha. Id-data li żżewwiġna fiha, dik tal-Ħadd 28 ta’ April, kienet id-data li qbilna fuqha t-tnejn li aħna. Inzertat ġimgħa fuq l-Għid u kienet konvenjenti ħafna minħabba fix-xogħol rispettiv tagħna. Bħala tema xtaqt li nżommu fuq vintage minħabba li din hija tema li personalment togħġobni ħafna u kemm-il darba wżajtha wkoll għax-xogħol tiegħi.
Il-preparazzjonijiet tat-tieġ ħabtu proprju fi żmien meta kont għaddejja wkoll bil-preparamenti għall-finali ta’ Miss World Malta li se jsir fit-8 ta’ Ġunju. Kif irnexxielek tibbilanċja l-orġanizzazzjoni ta’ żewġ avvenimenti bħal dawn?
Jien dejjem għaddejja, daqqa b’xi tieġ, jew xi show jew xi ħaġ’oħra. Qatt ma nafni li ma għandi xejn għaddej fil-ħajja tiegħi. Apparti li ħadt ħsieb kollox jien, kienet okkażjoni li għalija kienet attività wkoll. Imma nista’ ngħid li l-preparazzjonijiet tat-tieġ kienu ferm aktar speċjali u ovvjament għal qalbi li se jibqgħu jissarrfu f’memorji sbieħ li stajt naqsam ma’ wliedi, familjari u nies ħafna viċin tiegħi u dawk għal qalbi.
Wara l-ewwel ġimgħat mit-tieġ tiegħek kemm tħoss li nbidlet ir-rutina tiegħek ta’ kuljum?
Diġà kont f’rutina peress li jien u Frankie it-tnejn konna noqogħdu l-Belt flimkien u ppruvajna nżommu kollox l-istess. Apparti li forsi nżidu ftit safar aktar fiż-żmien li ġej.
Xi tgħidilna dwar il-qamar il-għasel?
Il-qamar il-għasel għadu ġej! Kif diġà għidt peress li f’dan il-perjodu ninsab imħabbta bil-preparazzjoni tal-Miss World Malta, kelli nagħmel ċerti għażliet u fil-fatt biex kollox jitlaħħaq fil-ħin tiegħu, minħabba fl-iskeda ta’ preparamenti li jkun hemm mar-rebbieħa tal-konkors saż-żmien meta tmur it-Tajlandja, kellna nwarrbu fil-ġenb il-pjan li mmorru għall-qamar il-għasel. Però jien u Frankie diġà qed naraw xi destinazzjonijiet biex kif jgħaddi l-finali tal-konkors Miss World Malta mmorru nqattgħu ftit jiem għalina għall-kwiet.
Min hu l-aktar romantiku? Int jew Frank?
Naħseb it-tnejn li aħna. Imma jien u Frank inħobbu nqattgħu ħafna ħin waħedna d-dar peress li bix-xogħol li t-tnejn li aħna għandna, inqattgħu ħafna ħin niltaqgħu kontinwament ma’ ħafna nies u għaldaqstant il-fatt li nkunu fid-dar għalina għall-kwiet hija xi ħaġa li t-tnejn li aħna nfittxu u ngħożżu għax napprezzaw il-ħin tagħna flimkien u napprezzaw il-kumpanija ta’ xulxin.
Liema hija l-aktar ħaġa romantika li qatt għamillek Frank?
Diffiċli nintrabat ma’ xi ħaġa partikolari għax Frankie huwa bniedem spontanju ħafna u kultant is-sorpriżi tiegħu ma jkunux ippjanati. Iżda mhux sejra ma nsemmix xi ikliet sorpriża li ħadni għalihom minn żmien għall-ieħor.
Kelmtejn ma’ Frank
Frank, x’kienu l-ewwel impressjonijiet tiegħek dwar Sue meta ltqajt magħha l-ewwel darba?
Jien u Sue ilna nafu lil xulxin għal snin twal ħafna però nistqarr li f’dawn l-aħħar snin Sue biddlitni ħafna u bħala persuna llum il-ġurnata nħossni aktar issetiljat.
Min minnkom hu l-aktar romantiku? Int jew Sue?
Bla dubju ta’ xejn li l-aktar waħda romantika minna t-tnejn hija Sue.
Liema hija l-aktar ħaġa romantika li qatt għamlitlek Sue?
Sue tħobb toħroġ għal-lunches u mhux l-ewwel darba li nsib li tkun ippjanat xi sorpriża fejn tkun ippjanat xi safra. Hija persuna sensibbli ħafna u jien u hi mhux talli napprezzaw lil xulxin, iżda nkunu fejn inkunu, nieħdu gost ħafna bil-kumpanija ta’ xulxin.
Issa li tinsab miżżewweġ, kif taħseb li se tinbidel ir-rutina ta’ kuljum?
Mhemmx wisq affarijiet differenti għax ir-rutina tagħna t-tnejn baqgħet l-istess. It-tnejn li aħna mmorru bħas-soltu għax-xogħol u ovvjament wara sigħat twal li nkunu qattajna man-nies, infittxu li nqattgħu ħafna ħin għalina.
Xi jmiss aktar fl-impenji tiegħek ta’ xogħol għaż-żmien li ġej?
Bħalissa nkunu qed nippreparaw għas-sajf. Tista’ tgħid li s-sena kollha hi waħda impenjattiva però hekk kif ikompli joqrob is-sajf, dan ifisser li ħafna aktar nies se jkunu qed ifittxu l-istabbilimenti tad-divertiment u għalhekk xi ftit jew wisq, ix-xogħol fil-qasam tiegħi, jiżdied ftit aktar mis-soltu.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.
Matthew Cutajar / ICAM