Il-kantant lokali Kevin Paul Calleja qasam mument maġiku mas-segwaċi tiegħu li żgur se jibqa’ mnaqqax f’qalbu għal dejjem.

Hu qal, “Storja żgħira li nixtieq naqsam magħkom... Ilbieraħ, kelli l-unur li nkanta waqt ċerimonja ta’ tieġ tassew sabiħa. Eżatt qabel il-mument il-kbir, l-għarusa staqsietni nistax inkanta kanzunetta speċjali għaliha hekk kif timxi lejn l-artal, kanzunetta ta’ Callum Scott jisimha Flaws. Ha nkun onest: Qatt ma kont smajt din id-diska qabel. Imma għedtilha, ‘Tinkwetax, se nitgħallimha’. (L-ebda stress, hux?)”

Żied jgħid, “Waslet iċ-ċerimonja. Hekk kif bdejt inkanta, staqsejt lill-inġinier tal-ħoss li kien qed jaħdem dik il-ġurnata (nixtieq li naf ismu, imma jekk qed taqra dan, grazzi!) biex malajr jiġbed filmat tal-għarusa nieżla lejn l-artal ma’ din il-kanzunetta. Kien mument tassew sabiħ, iddeċidejt li nitfgħu fuq l-istory tiegħi. Erba’ sigħat wara, ħarist lejn l-istory erġajt u ddeċidejt li nagħmel tag lil Callum Scott. Għala le? Probabbli se tintilef mat-tags kollha l-oħra li jirċievi. Imma aqta’ xiex? Raha, u għoġbitu. Xerridha fuq il-profil personali tiegħu.”

Kompla jikteb, “Onestament ma kontx qed nistenniha, imma żewqitli l-ġurnata kollha. Il-poter tal-mużika. Il-poter ta’ mumenti żgħar. Il-poter ta’ ‘għala le?’”

Facebook / Kevin Paul Calleja


Gabriella Borg