Il-grupp lokali SterjoTipi għadu kemm nieda proġett ġdid, aħna ta' Gwida.mt kellna ċ-ċans li nitkellmu magħhom fuq l-aħħar kanzunetta tagħhom bl-isem ta' Mostri. Kanzunetta li għandha lirika profonda mmens u riflessjoni ta' dak li għaddej bħalissa ġewwa pajjiżna.
Kif nibtet l-idea ta' din il-kanzunetta? X’qed jirrapreżentaw il-mostri eżatt?
L-idea ta' din il-kanzunetta nibtet mit-tibdil tal-pajsaġġ Malti, li kull ma jmur dejjem qed jinbidel. Il-Mostri jistgħu jirreferu għal krejnijiet jew inkella għal bini għoli u apartamenti li qegħdin jiżdidu ta' kuljum f'pajjiżna. 'Mostri' tixtieq tqajjem il-kuxjenza fost il-Maltin u r-rappreżentanti tagħhom, sabiex jiġu ndirrizati l-isfidi marbutin mas-sostennibilita' u l-estetika tal-bini għoli u l-iżvilupp b'mod ġenerali.
Mużikalment ħoss differenti għalikom. Donnu l-mużika tirrifletti t-tema. Kienet sfida għal Sterjotipi?
Iva l-ħoss jirrifletti ftit it-tema ta' din il-kanzunetta. Tista' tgħid li Mostri hija l-ewwel kanzunetta rock li nkitbet bil-Malti - huwa esperiment eċitanti ferm. L-isfida ta' dan l-istil hija mhux milquħ mil-massa, però xogħol l-artist mhuwiex dejjem li jintgħoġob ma' kulħadd!
Kemm hu importanti tirriflettu dak li għaddej f'pajjiżna fil-kanzunetti tagħkom?
L-arti hija għodda b'saħħitha ħafna, u aħna bħala SterjoTipi nixtiequ li permezz tal-arti ninfluwenzaw il-pubbliku Malti fuq issues li jolqtu lil kulħadd. Huwa importanti ħafna li l-artisti, huma min huma, ma jiddejqux joħorġu mil-comfort zone u jesperimentaw bil-libertà li tagħtik l-arti nnifisha.
Messaġġ ċar u b'saħħtu. Għandna nistennew iżjed fuq dan l-istil minn Sterjotipi?
S'issa, ippruvajna nkunu versatili kemm jista' jkun bil-kanzunetti tagħna. Hemm baħar jaqsam bejn Int u Jien u Mostri, però dan ma jfissirx li mhux se jkun hemm kanzunetti bl-istess stil aktar 'il quddiem. Fil-bidu tas-sena d-dieħla ser joħorġu aktar dettalji fuq l-E.P. debut tagħna, li se jkun magħmul minn ħames kanzunetti b'kollox. Nistennew u naraw.