Wara li tawna Snowball u 2nd Victory, Stephen Galea, flimkien ma’ Grace Debono, ħarġu kanzunetta ġdida bl-isem ta’ The Place Where No One Cries. Il-kliem u l-mużika huma ta’ Stephen, filwaqt li Grace tat interpretazzjoni brillanti tal-kanzunetta. Il-produzzjoni hija ta’ Mirko Galea.
Il-kanzunetta, fi kliem sempliċi u dirett, tirrifletti vjaġġ ta’ tama lejn ħolma ta’ post aħjar fejn m’hemmx uġigħ u dwejjaq. Titkellem dwar il-ħajja, li ħafna drabi toffri sfidi emozzjonali li jġiegħlu lil wieħed ifittex bidla, bil-ħsieb li, bl-imħabba, wieħed jista’ jibda proċess ta’ paċi u fejqan.
Il-kliem tal-kanzunetta jenfasizza l-importanza tal-fidi u l-perseveranza fi żminijiet diffiċli. Ir-riflessjoni fuq il-ħin u l-fidi bħala għodod biex wieħed jegħleb l-ostakli tal-ħajja tagħti tama għal bidliet reali u impatt pożittiv fil-ħajja ta’ kulħadd.
L-immaġini tal-kwiekeb li juru t-triq fil-kanzunetta huma simbolu ta’ tama li jdawwal il-vjaġġ. Il-kwiekeb jirrappreżentaw il-potenzjal ta’ kull wieħed u waħda minna biex it-twettiq tal-ħolm isir realtà, sakemm wieħed jemmen u jaħdem b’kuraġġ biex jilħaq dan l-għan.