Segwita sew u wkoll maħbuba. Ilha fix-xandir għal numru ta’ snin iżda bdiet bħala mudella. Qalbha tajba u spiss jikkumentawlha fuq it-tul tagħha. Fil-programmi tagħha tiddiskuti bosta suġġetti u tista’ tgħid li hija persuna kkulturata u anke interessanti li jkollok diskussjoni magħha. Tgħid ukoll li tieħu xi ftit għaliha! Tkellimna ma’ Stephanie Spiteri; il-preżentatriċi.
Min hi Stepahnie Spiteri fil-ħajja ta’ kuljum, il-bogħod mill-kamera tat-televiżjoni?
Stephanie hija dik li tara fuq it-televiżjoni imma matul il-ġurnata bla make up u probabbilment b’ xagħrha ġo xi hair clip u b’ xi jeans u top. Ma nipprovax nirreċta jew inkun xi ħadd ieħor.
Kważi sagħtejn kuljum fuq it-televiżjoni, taħseb li ma jafux min jien it- telespettaturi? Waqt is-sewqan ġieli taqbiżli però, u nwerżaq xi waħda u mbagħad nisma’ lil xi ħadd jgħid ‘imbasta pulita fuq it-televiżjoni’ u ngħalaq ħalqi. Altrimenti naħseb li Steph hi Steph: what you see is what you get.
Kif tqatta’ l-ħin liberu tiegħek?
Ħin liberu ftit li xejn għandi. 3 snin ilu barra li qed nipprezenta l-programm, sirt ukoll il-produtriċi; ifisser li rrid naħseb fis-suġġetti, nikkomunika, nbiegħ ir-reklami, nagħmel l- invoices u miljun ħaġa oħra. Qisni ‘jack of all trades’.
Allura filgħodu xogħol ta’ produzzjoni, wara nofs inhar programm, u filgħaxija naqra oħra xogħol li jkun hemm bżonn. Jekk ikolli nirrileksja jkun waqt it-tisjir fejn inħobb nivvinta u nara x’se nsajjar.
Bilħaqq, jekk l-ikel jiġi tajjeb Michael u l-partner tiegħi jgħiduli proset, jekk ma jiġix tajjeb jgħiduli li speċi tajjeb xorta għax inkella nieħu għalija u nagħmel ġimgħa bil-geddum. Drawni issa.. allura jogħoqdu attenti.
Kumment komuni għalik huwa dwar it-tul tiegħek. Tqisu bħala barka? Idjequk il-kummenti fuq it-tul li issa min jaf kemm –il darba smajthom?
Oh my God... terġax issemmili t-tul...qisni l-unika wahda li twila! Fini 6 piedi, hekk ħalquni ommi u missieri. U żgur li kont niddejjaq meta kont iżgħar. Imma llum.. dik jiena. Anzi nilbes takkuna.
Tant smajt ‘ersaq l’ hemm daqs xhiex fik’, u ‘togħqodx ħdejja’, ‘newwilli minn fuq dik l-ixkaffa’, ‘din m’għandiex bżonn sellum’, ‘kif inhi l-arja hemm fuq? ‘ Issa sirt immune. Taf x’naf, li għall-ħxuna tagħmel liposuction, għal għajnejk tilbes contact lenses, xagħarek tiżbgħu imma t-tul s’ issa hu dak li hu!
Inti magħrufa wkoll bħala waħda minn dawk il-personalitajiet Maltin li maħbuba minn kulħadd. Xi jfisser dan għalik u anke kif iżżomm dan ir-rispett?
Bla ma forsi taf, għaddejtli l-isbaħ kumpliment li qatt stajt tagħtini. lI-personalità maħbuba minn kulħadd. Naf li dan diffiċli imma inħossni ffortunata li wara dawn is-snin kollha għadni ngawdi rispett u mħabba enormi mit-telespettaturi.
Insejjħulhom telespettaturi però llum jien ngħidilhom ħbieb speċjali. Kemm jien lucky hey meta mmur supermarket u jwaqqfuni u jgħiduli li nagħmilhom kuntenti, jew li mmur qadja u jwaqqafni xi ħadd u jgħidli li ma jitlifx programm minn tiegħi għax iħoss li jien inżommlu kumpanija.
Kemm jien lucky li nirċievi kummenti fejn min qed isegwi iħoss li għamiltlu differenza pożittiva f’ħajtu. Kumbinazzjoni llum iltqajt ma’ żagħżugħa u qaltli l-Mummy ma titilifx programm tiegħek, tgħid ħa nara l -programm ta’ Steph li tidħaq ħa nidħaq magħha.
Jien bla dubju ma jien l-ebda kummidjanta però nemmen li l-ħajja qasira u li rridu b xi mod nitbissmu. Issa mhux sa nilgħaba tad-dejqa u ngħid li jien dejjem inkun ferħana għax żgur jikbierli mnieħri, imma meta titbissem, dawk ta’ quddiemek jitbissmu lura u int allura bħala mod awtomatiku tħoss li qed tagħmel il-ġid.
X’taħseb dwar il-ħajja; il-ferħ, in-niket, l-età?
Tridx ma tibdilix fuq l-età? 2020 the big 50... oops mhux suppost ngħid hux għax jien mara... imma taf xiex... kollha tiegħi, tikmix li akkwistajt ninkwieta kif ħa npoġġi l-ikel fuq il-mejda t’ ibni, tikmix fejn qalbi kienet miksura f’ miljun biċċa, tikmix fejn kelli diżappuniti kbar imma b’xi mod issuperajthom, u bħal li jgħidu... what doesnt kill you makes you stronger.
Kont timmudella. Miss Universe fl-1986 u saħansitra darba anke kont magħżula minn Pierre Cardin biex timmudella bil-moda tiegħu. Għidilna ftit dwar dawn l-esperjenzi.
Temmen li meta nisma’ dan qisu naħseb li dik kienet ħajja oħra? Ilu ftit ta. Għandi 49 u dawn l-esperjenzi li qed issemmi kienu fit-teens tiegħi. Għaddew 30 sena. Kif? Kienu kollha esperjenzi li għallmuni u għaġnuni f’ dak li jien illum.
Kont noħlom li mmur nimmudella barra ma’ stilisti kbar u meta ġietni l-opportunità li nimmudella għal Pierre Cardin irrealizzajt li l-ħajja ta’ mudella fuq kollox ma togħġobnix għax rajt lil dawk li kont imdawra bihom: mudelli professjonali u xejn ma daqqitli ħajjithom.
Miss Universe nemmen li kont għadni żgħira wisq meta mort. Ngħid li tlaqt tifla u ġejt mara speċi. Kont nimmissja l-familja u l-Malta u l-ikel. Ħames ġimgħat f’ Taiwan fejn jien kont għadni mort sa Sqallija għal jumejn m’ ommi u ma’ missieri qabel hekk. Qisni ġejt mitfugħa għall-iljuni. Però għall-grazzja t’ Alla ġejt lura u nemmen li tatni wkoll ċerta sinsla.