Omm, preżentatriċi, kantanta, żeffiena u stilista tax-xagħar huma fost l-irwoli ta' Stephanie Chircop. Ir-ritorn tagħha fuq il-midja wassalha għall-programm fuq ir-radju u t-televiżjoni. Stephanie tgħidilna li minkejja dawn iż-żewġ programmi jirrikjedu ħafna xogħol u impenn, xogħolha tagħmlu b'dedikazzjoni u passjoni kbira.

Stephanie, riċentament għamilt ir-ritorn tiegħek bħala preżentatriċi fuq it-televiżjoni bil-programm Sorsi Infurmati, fejn kull ġimgħa twassal lit-telespettaturi stejjer umani. Kif tiddeskrivi din l-esperjenza?

Hekk hu! Erġajt għamilt ir-ritorn tiegħi fuq Net Tv ma' Medialink Communications bil-programm Sorsi Infurmati. Ilni naħdem fil-midja għal dawn l-aħħar 17-il sena. Ippreżentajt u pproduċejt programmi varji, l-iktar fil-ġeneru tal-entertainment. Sorsi Infurmati jista’ jkun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin, taċ-ċittadini kollha, u li permezz tiegħu wieħed jista’ jintebaħ bir-realtà li tagħmel parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum u forsi ma nagħtux kasha jew inkunu aljenati

L-għan tal-programm hu li titqajjem kuxjenza u tittieħed azzjoni biex titnaqqas it-tbatija li ħafna nies ikunu għaddejjin minnha. Hi faċli li twassal stejjer bħal dawn u fl-istess waqt iżżomm id-dinjità u kemm jista’ jkun il-privatezza tal-persuni kkonċernati?

Sorsi Infurmati hu programm ta’ ċerta stoffa li jirrekjedi ħafna xogħol ta’ produzzjoni, ġurnaliżmu investigattiv, kreattivià, ħin u riċerka. Jien insertajt persuna li dawn l-affarijiet nikolhom u nidħol għalihom b'ruħi u ġismi diment li l-intenzjoni tkun waħda ġusta. L-esperjenza tiegħi f'dan s'issa hi waħda indimentikabbli u m'għandi l-ebda rimors li qed naħdem fuqu għaliex ir-riżultat jidher.

View this post on Instagram

A post shared by stephaniechircop (@stephanie_chircop) on

Ir-ritorn tiegħek wasslek ukoll għal fuq ir-radju...

Iva, esperjenza ġdida li laqqagħtni ma’ dinja oħra li dejjem xtaqt nesplora, ir-radju. Il-breakfast xow tar-radju Net Fm Wake Up Call, għalkemm igerbibni mis-sodda fl-erbgħa ta’ filgħodu, intlaqa’ tajjeb ħafna u kuntenta ħafna li nħossni kumpanija għas-semmiegħa kollha li jisimgħuna.

Il-mużika għandha sehem kbir fil-ħajja tiegħek. Xi tfisser għalik il-mużika?

Il-mużika hija l-mediċina tiegħi! Nista’ ngħid li evolvejt b'mod naturali fejn jidħol il-kant. Kull meta skoprejt b'talent ġewwa fija, qatt ma tajtu bis-sieq, anzi dejjem rajt x'għamilt biex inkabbru. Il-kant illum huwa xogħol part-time tiegħi, u emminni, m'hemmx isbaħ meta jkollok xogħol li jkun il-passatemp tiegħek.

View this post on Instagram

A post shared by stephaniechircop (@stephanie_chircop) on

Ħafna nies jiftakruk ukoll bħala żeffiena. X'tiftakar minn dak il-perjodu?

Iż-żfin jeħodni lura bosta snin. Kien proprju miż-żfin li ġejt introdotta għall- midja. Niftakar kelli 21 sena meta Ray Calleja avviċinani biex inkun parti mit-tim ta' Is-Sibt fuq TVMFih kont niżfen u niċċaċċra mal-bqija ta' sħabi biex konna nwasslu magazine xow mill-iktar divertenti u li kien jinżel għasel ma’ kulħadd is-Sibt wara nofsinhar!

Kull min jafek, jaf li l-isfidi tidħol għalihom b’determinazzjoni. Sentejn ilu ddeċidejt li tidħol għal sfida oħra, dik akkademika. Fuq xiex kien l-istudju li għamilt u x'ġiegħlek li tidħol għal sfida bħal din?

L-iskola nħobbha ferm u dak hu l-uniku dispjaċir li għandi, li ma studjajtx minn età żgħira. Tfuliti ma kienet xejn faċli u s-sitwazzjoni familjari kienet tirrikkjedi li noħroġ naħdem. Però baqgħet f'moħħi u bqajt sakemm qtajt xewqti. Sentejn ilu ħadt deċiżjoni li nibda nistudja u dħalt part-time l-Università nistudja Studji Diplomatiċi. Il-kors kien intensiv b'suġġetti bħal liġi internazzjoni, relazzjonijiet internazzjonali u l-makroekonomija. Lanqas naf kif taru sentejn u jekk Alla jrid niggradwa f'Diċembru li ġej. Nixtieq ħafna li nkompli navvanza u naf li fiż-żmien qarib din il-ħolma se ssir realtà ukoll.

View this post on Instagram

A post shared by stephaniechircop (@stephanie_chircop) on

Taħseb li l-perspettiva tan-nies inbidlet xi ftit għall-aħjar dwar min għandu t-tattoos? Ġieli kellek esperjenzi fejn ġejt iġġudikata b'mod negattiv għax proprju għandek it-tattoos?

Ġejt iġġudikata għal ħafna raġunijiet, però ż-żejt dejjem jitla’ f'wiċċ l-ilma. Jien ma ngħix biex nogħġob lil kulħadd! Kulħadd għandu l-personalità u d-dinjità tiegħu u kulħadd huwa uniku u sabiħ bil-mod tiegħu. Aħna ngħixu għalina, ħajjitna hija tagħna u mhux tan-nies u għaldaqstant aħna nagħmluha u kif irridu aħna, issa min irid jogħġbu u min irid ma jogħġbux :)

L-isport hu parti mill-personalità tiegħek, u naf li ipprattikajt diversi tipi ta' sport matul is-snin. Għaliex hu essenzjali li tinkludi l-isport fil-ħajja tiegħek?

L-isport bħall-mużika, mediċina. Bih neżawrixxi l-enerġija li tkun akkumulat ġo fija u nirrilaxxa l-istress kollu li dejjem jinġema'. Iva sa minn mindu kont żgħira kont sportiva. Bdejt biż-żfin, għawm, volleyball, arti marzjali, sparar u futbol. Xejn xejn inżomm fiżikament b'saħħti nieħu ħsieb il-figura tiegħi li għan-natura tax-xogħol tiegħi nemmen li hija importanti ferm. Fejn jidħol l-isport ukoll dejjem ħadtu bis-serjetà. Illum nilgħab il-volleyball ma' Sliema Kavallieri u nilgħab il-futbol mal-MFA Team MT għall-karità, biex niġbru fondi għal min hu inqas ixxurtjat.

View this post on Instagram

A post shared by stephaniechircop (@stephanie_chircop) on

Int ukoll stilista tax-xagħar. X'kien li ispirak għal din il-linja?

Kien l-ewwel xogħol tiegħi. Ommi kienet bil-ħanut u meta kelli noħroġ mill-iskola ta' 15-il sena kienet faċli għalija li nidħol naħdem magħha. Tista’ tgħid li ili stilista tax-xagħar 24 sena u tibqa’ dejjem passjoni fija. Għadni nipprattikaha ħafna avolja l-iskarpan dejjem jispiċċa biż-żarbun imqatta' :)

Omm ta' tlett itfal. X'inhi l-aktar ħaġa li tgħallimt mill-ħajja li tipprova tgħaddiha lil uliedek?

Omm ta' tlett itfal, il-mimmi t'għajnejja. Kien hemm mumenti f'ħajti fejn ma kontx inħossni kapaċi għalxejn, fejn ħsibt li mingħajri l-ħajja se timxi aħjar, iżda meta kont inħares f'għajnejn uliedi kont nara xaqq ta' tama. Nixtieq nagħtihom kollox u ma nixtiqhomx jgħaddu minn dak li għaddejt jien. Għalkemm il-ħajja kienet waħda kiefra u kellhom ibatu wkoll, ma jfissirx li ma jistax ikollna futur sabiħ. Dan jibqa’ jqawwili qalbi biex nirsisti ħalli nagħmel il-ħolm tagħhom realtà.

View this post on Instagram

A post shared by stephaniechircop (@stephanie_chircop) on

Kemm hi importanti l-familja għalik?

Il-familja għalija hija kollox! U kollox lesta li nċedi għaliha! Il-familja tista’ tieħu forma ta’ ħafna nies u affarijiet oħra. Il-familja tibda minn ġewwa fik!

Persuna enerġetika u pożittiva ħafna. Xi jżommok li tibqa’ l-persuna li int minkejja s-sitwazzjonijiet diffiċli, li bħal kull persuna oħra, ikollok tiffaċċja fil-ħajja?

F'ħajjitna kollox huwa għażla. Għandi motto wieħed li ngħożż ħafna, ħalli nbati għax inkun għamilt il-ġid milli għax inkun għamilt id-deni! F'qalbi m'għandi xejn għal ħadd, ma nżommx, m'għandix mibgħeda u b'xi mod jirnexxili nħares lejn persuna negattiva bħala persuna marida u għaldaqstant ma niddisprax. Madanakollu kulħadd uman u kulħadd dgħajjef. Ikolli mumenti ta' qtiegħ il-qalb ukoll iżda nibqgħu nissieltu hux, wara kollox il-ħajja sabiħa fis-sempliċità tagħha.

Instagram / @stephanie_chircop


Roberta Magri