Jekk inti jew xi qraba tiegħek tgħixu f’dar residenzjali jew tużaw xi servizz ieħor fil-komunità, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tista’ tgħinek żżomm ruħek aġġornat dwar id-drittijiet tiegħek.

Min Hi L-Awtorità Ta’ Standards Ta’ Ħarsien Soċjali?

L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, magħrufa aktar bħala SCSA, tirregola s-servizzi relatati mal-qasam soċjali li jinsabu madwar Malta u Għawdex permezz tad-djalogu u l-kollaborazzjoni. L-Awtorità tinsab fir-raba’ sena tal-operat tagħha u madwar 50,000 persuna jagħmlu użu b’mod dirett mis-servizzi li tirregola.

Is-sisien tal-Awtorità huma l-Istandards Soċjali Regolatorji li huma msaħħin mil-liġi biex jagħtu struzzjonijiet u għarfien lill-provdituri tas-servizzi filwaqt li jipproteġu u jtejbu d-dinjità, is-sigurtà, u l-interess tal-utenti tas-servizzi. L-iStandards jiġu minsuġa wara riċerka intensiva u b’kollaborazzjoni ma’ professjonisti minn setturi differenti b’għan ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz illiċenzjat ta’ kull settur.

L-Awtorità hija ibbażata fuq tlett valuri prinċipali:

  • Tpoġġi lill-persuni vulnerabbl l-ewwel;
  • Tistinka għall-eċċellenza u kwalità fis-servizzi tal-ħarsien soċjali; u
  • Tikkollabora mal-istakeholders

L-Awtorità ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tal-ħarsien soċjali billi:

  • Tilliċenzja s-servizzi li bħalissa jammontaw għal 316;
  • Twaqqaf u tagħmel reviżjoni tal-iStandards Soċjali Regolatorji;
  • Tagħmel żjarat ta’ monitoraġġ frekwenti u tibgħat azzjoni ta’ rimedji fejn ikun hemm bżonn;
  • Tispezzjona, tevalwa, u tieħu azzjoni ta’ infurzar biex tipproteġi l-utenti; u
  • Tisma’, tevalwa, u tinvestiga kull ilment, u tieħu kull azzjoni neċessarja li taqa’ taħt il-mandat tagħha.

Ħarsa Lejn L-Istandards Soċjali Regolatorji

Is-servizzi li jaqgħu taħt il-mandat tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali jinkludu diversi setturi msemmija hawn taħt, li kollha jiġu evalwati b’mod konsistenti permezz ta’ metodoloġija strutturata li tinkludi temi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-individwu. Ma’ kull settur hemm abbinat numru ta’ Standards.

Lista ta’ Standards Soċjali Regolatorji għal kull settur:

Servizzi għat-Tfal

  • Adozzjoni tat-Tfal
  • Servizzi Residenzjali ghal Tfal f’Ħarsien Alternattiva
  • Servizzi offruti mill-Uffiċju għat-Tfal f’Ħarsien Alternattiv

Servizzi għal Persuni b’Diżabiltà

  • Servizzi Residenzjali għal Persuni b’Diżabilità
  • Servizzi ta’ Respite għal Persuni b’Diżabilità
  • Servizzi ta’ Ċentri ta’ matul il-jum għal Persuni b’Diżabilità

Servizzi dwar Abbuż ta’ Sustanzi u Dipendenzi Oħra

  • Servizzi Residenzjali offruti lil Individwi bi Problemi Relatati mal-Abbuż ta’ Sustanzi u Dipendenzi Oħra
  • Servizzi ta’ ‘Outreach’ u servizzi ohra bbażati fil-komunità offruti lil Individwi bi Problemi Relatati mal-Abbuż ta’ Sustanzi u Dipendenzi Oħra

Servizzi għall-Anzjani

  • Servizzi Residenzjali għall-Anzjani
  • Servizzi ta’ Kura għall-Anzjani b’Kundizzjonijiet Kroniċi u b’Dipendenza Għolja
  • Servizzi Residenzjali ghal Persuni li jgħixu bid-Dimenzja fid-Djar tal-Anzjani

Servizzi fil-Komunità

  • Servizzi Bbażati fil-Komunità u ta’ ‘Outreach’

Fejn sejrin?

Fix-xhur li ġejjin, l-Awtorità se tkompli toħroġ Standards ġodda filwaqt li tpoġġi lill-persuni vulnerabbli fil-qalb tax-xogħol tagħha biex tassigura li kull servizz jingħata fl-aħjar interess ta’ kull persuna li jkollha bżonnu. Ukoll, l-Awtorità se tkompli tinvesti biex isservi bħala mudell ta’ eċċellenza.

Ikkuntattjahom: Jekk tixtiequ tikkomunikaw mal-Awtorità jew tixtiequ tgħaddu lment, tistgħu ċċemplu fuq 25494345 kif ukoll tistgħu żżuru s-sit elettroniku fuq https://feedbackscsa.gov.mt/. L-Awtorità tinvestiga u tieħu l-azzjoni neċessarja anki jekk hu mixtieq li wieħed jibqa’ anonimu.

Għal aktar informazzjoni nħeġġukhom iżżuru dawn il-paġni tal-SCSA:


Gwida.mt